Lokali

Malta tfakkar it-tmiem tal-bażi militari Ingliża fil-31 ta’ Marzu 1979

Il-35 anniversarju minn meta Malta ma baqgħetx aktar bażi militari tal-Ingilterra tfakkar bis-solita ċerimonja mal-monument li jfakkar il-31 ta’ Marzu 1979 fil-Birgu.

Għal din l-attività ta’ fjuri mal-monument tal-31 ta’ Marzu 1979 attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż: il-President ta’ Malta George Abela, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

L-attivitajiet uffiċjali bdew b’marċ minn Bormla mill-Banda tal-Forzi Armati Maltin li waslet sal-Birgu fejn il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Prim Ministru u l-President ta’ Malta ngħataw is-salut mill-Gwardja tal-Forzi Armati.

Wara s-salut mogħti lill-President ta’ Malta George Abela, hu spezzjona l-Gwardja tal-Unur tal-Forzi Armati.

Fi tmiem l-ispezzjoni, il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni telgħu fuq l-għolja tal-monument tal-31 ta’ Marzu 1979 fejn poġġew bukketti tal-fjuri mal-monument.

Waqt it-tqegħid tal-fjuri, il-Banda tal-Forzi Armati daqqet l-Innu tal-31 ta’ Marzu 1979.

Iċ-ċerimonja uffiċjali tal-31 ta’ Marzu 1979 hi l-aħħar waħda li fiha ipparteċipa l-President ta’ Malta George Abela, li issa se jtemm il-Presidenza tiegħu biex minflok tinħatar l-ex Ministru Marie Lousie Coleiro Preca.

Fl-okkażjoni tal-35 anniversarju mill-31 ta’ Marzu 1979, Maltapost ħarġet sett ta’ erba’ bolli li juru l-HMS Alexander tal-1800, meta l-Ingliżi bdew imexxu Malta u tal-HMS London li fl-1979 kienet l-aħħar bastiment li ħalla Malta fil-13 ta’ Marzu 1979. Dawn il-bolli għandhom il-Forti Sant’Anġlu u l-Forti San Mikiel bħala sfond.