Futbol

Man Utd għadhom bla telfa f’darhom fil-kompetizzjoni

Manchester United se jkunu qed jiffaċċjaw sfida kbira meta jilqgħu lill-holders u Champions renjanti Bayern Munich f’waħda mill-partiti tal-ewwel leg mill-kwarti tal-finali taċ-Champions League.

Iż-żewġ klabbs, Champions tal-kampjonati rispettivi tagħhom l-istaġun li għadda, dan l-istaġun kellhom fortuni ferm differenti u ħafna qed isostnu li l-ċ-Champions Ġermaniżi huma ferm aħjar fuq żewġ legs.

Bayern ġejjin minn draw 3-3 is-Sibt u din kienet it-tielet darba dan l-istaġun li t-tim ta’ Guardiola ma ħax punti massimi fil-kampjonat.

Wara li diġa` kienu nkurunati Champion f’nofs il-ġimgħa, Guardiola serraħ bosta plejers. F’din il-logħba iżda Bayern tilfu lill-Ispanjol Thiago Alcantara li weġġa’ u għandu sitt ġimgħat barra.

Mill-banda l-oħra United li l-istaġun l-ieħor rebħu l-Kampjonat bi 11-il punt vantaġġ, dan l-istaġun taħt David Moyes jinsabu maqtugħa barra. Għalhekk b’għaxar punti taħt l-ewwel erbgħa fil-Premier meta fadal sitt partiti, l-aħjar ċans għalihom li jistgħu jidħlu fl-Ewropa staġun ieħor hu li jirħbu din il-kompetizzjoni.

United wettqu rimonta impressjonanti fir-round tal-aħħar 16 meta dawru telfa 2-0 fl-ewwel leg f’rebħa 3-0 fuq Olympiacos f’Old Trafford b’hat-trick ta’ Van Persie.

Madankollu llum l-Olandiż se jkun nieqes minħabba injury u Moyes għandu nieqsa wkoll lil Chris Smalling, Rafael da Silva u Antonio Valencia.

Iż-żewġ naħat se jkunu sfurzati jilagħbu bi plejers regolari fid-difiża nieqsa hekk kif Patrice Evra ta’ United u Dante ta’ Bayern jinsabu sospiżi.

Taħt Moyes, Manchester Unied rebħu l-partiti kolha f’darhom f’din il-kompetizzjoni imma dan ir-rekord se jkun taħt skrutinju qawwi llum kontra Bayern li ilhom ma jitilfu barra minn darhom fiċ-Champions League sa minn Ottubru tal-2012.

Fl-aħħar round Bayern eliminaw lil Arsenal 3-1 aggregate u kienu anke eliminaw lil United fi triqthom lejn il-final fl-istess stadju tal-kompetizzjoni fl-2010.

Il-konfront l-ieħor mill-kwarti tal-finali hu kollu Spanjol hekk kif Barcelona u Atletico Madrid se jwarrbu għal mument l-isfida f’La Liga biex jiltaqgħu fl-Ewropa.

Partita taħraq
Iż-żewġ naħat bħalissa jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet fi Spanja b’Atletico punt fuq Barcelona.

Iż-żewġ klabbs qatt ma ltaqgħu kontra xulxin fix-xena Ewropeja imma t-tliet konfronti domesitċi dan l-istaġun jindikaw li se tkun partita taħraq f’Camp Nou.

Barcelona rebħu s-Super Cup Spanjola bil-gowls away wara li ż-żewġ legs intemmu fi draw waqt li l-aħħar sfida tagħhom f’La Liga f’Jannar intemmet mingħajr gowls. Madankollu Barcelona għandhom ferm aktar esperjenza fl-Ewropa.

Huma se jkunu qed ifittxu li jkabbru r-rekord ta’ semi-finali milgħuba fl-aħħar sitt staġuni waqt li Atletico jinsabu fil-kwarti tal-finali għall-ewwel darba sa mill-1997 u fl-aħħar 40 sena qatt ma waslu mal-aħħar erbgħa.

Il-kowċ preżenti ta’ Atletico, Diego Simeone kien fit-tim li tilef 4-3 aggregate kontra Ajax fil-kwarti tal-finali 17-il sena ilu.

Il-plejers mill-kapitali Spanjola ilhom ma jirbħu f’Camp Nou sa mir-rebħa 3-1 fil-kampjonat fl-2006 meta Fernando Torres, skorja doppjetta.

Minkejja dan Barcelona m’għandhomx l-aqwa rekord fuq żewġ legs f’kompetizzjonijiet Ewropej kontra klabbs Spanjoli meta tilfu ħames minn disa’ konfronti imma tilfu biss waħda mill-aħħar 26 partita Ewropeja f’darhom.

Fir-round preċedenti, Barcelona eliminaw lil Manchester City u Atletico lil Milan.

Fuq livell individwali, Lione Messi jinsab erba’ gowls bogħod mir-rekord ta’ Raul fiċ-Champions League ta’ 71 gowl u jinsab fl-aqwa forma meta skorja disa’ gowls fl-aħħar ħames partiti fil-kompetizzjonijiet kollha.

Atletico li huma meqjusa minn ħafna bħala sorpriża bil-forma eċċellenti dan l-istaġun huma ħerqana li jkomplu jissorprendu.

“Qed ingawdu dan il-mument ġurnata b’ġurnata anke fit-taħriġ u l-partiti. Hu b’hekk li nħossuna b’saħħitna u se nkomplu hekk għaliex ma rridux li dan jitla’ għal rasna,” qal il-kowċ Simeone.

Barcelona se jkunu mingħajr il-gowlkiper Valdes li se jitlef il-kumplament tal-istaġun wara li weġġa’ rkobbtu.

Javier Manquillo għadu nieqes għal Atletico waqt li Rau Garcia hu sospiż.