Lokali

Marlene Farrugia tgħid li Godfrey Farrugia kien umiljat b’mod ripetut mill-Prim Minsitru Muscat

“Godfrey Farrugia,” tikteb Marlene Farrugia f’artiklu fuq The Malta Independent, “ħadem lejl u nhar biex jagħmel il-ħajja aħjar għall-pazjenti waqt li jħares l-interessi tal-professjonisti tas-saħħa. Madankollu kien umiljat b’mod repetut mill-Prim Ministru sa mill-bidu anke bil-mod kif ġiet ikkomunikata l-aħbar li John Dalli inħatar bħala konsulent tas-Saħħa.”

Marlene Farrugia tispjega li bil-mod kif l-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru ħabbar id-deċiżjoni li John Dalli nħatar bħala konsulent tas-Saħħa dehret li kienet deċiżjoni li ġiet imposta fuq il-Ministru tas-Saħħa. Marlene Farrugia tispjega li Godfrey Farrugia kien japprova l-ħatra ta’ John Dalli, jekk mhux ukoll stiednu biex jagħti l-kontribut tiegħu iżda l-mod kif ġiet ikkomunikata din l-aħbar mill-Uffiċju tal-Prim Ministru dehret li kienet qed tiġi imminata l-awtorità tiegħu bħala Ministru tas-Saħħa.

Marlene Farrugia tgħid li din it-trend kompliet bl-istorja tat-tinda barra l-isptar u numru ta’ stqarrijiet mill-Prim Ministru dwar affarijiet li l-Prim Ministru kien jaf li biex iseħħu kien hemm bżonn ta’ investiment qawwi. Isostni li dan seħħ ukoll minkejja li l-Prim Ministru kien jaf li l-baġit għas-saħħa kien limitat u għalhekk il-Ministru tas-Saħħa ma setgħax jitratta l-affarijiet bażiċi fis-settur tas-saħħa, wisq inqas isib soluzzjoni immedjata għan-nuqqas ta’ sodod fl-isptar.

Marlene Farrugia kitba f'TMI

Marlene Farrugia tgħid li wħud ikkundannawha għax esprimiet ruħha fuq numru ta’ kwistjonijiet. Filfatt kif rappurtat fil-media fl-aħħar ġimgħat kien hemm partitarji Laburisti li fl-aħħar jiem ħarġu qatta’ bla ħabel jattakkaw lil Marlene Farrugia fuq facebook.

Madankollu, fl-artiklu tagħha Marlene Farrugia tagħmilha ċara li bħala rappreżentant tal-poplu se tkompli tuża s-social media sakemm is-slogan Malta Tagħna Lkoll isir realtà.

Marlene Farrugia tiddeskrivi l-aħħar ġimgħat bħala ħolma kerha għar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Moviment Laburista. Tkompli li hi tal-mistħija kif il-Ministri u Segretarji Parlamentari, il-ħaddiema u l-qraba tagħom sfaw psikoloġikament abbużati kawża tad-dewmien kbir biex sar ir-reshuffle li ssostni huwa prerogattiva tal-Prim Ministru.

Titkellem fit-tul ukoll fuq il-veru sinifikat ta’ Jum il-Ħelsien. Tgħid li dakinhar li pajjiżna ħa l-ħelsien kellha l-impressjoni li l-ħelsien kien se jeħles lil pajjiżna “imma żgur ma kontx qed inħossni iktar ħielsa minn qabel, għax ma stajtx insib il-kuraġġ li niżvela lil oħrajn x’kont qegħda verament naħseb. Isostni li l-arja kienet tqila b’politika partiġġjana fejn ma kienx hemm spazju għall-pubbliku.”

Illum, Marlene Farrugia hi deputata tal-Gvern Laburista. Tfakkar li f’Marzu tal-2013 pajjiżna kien qed jiċċelebra ħelsien ieħor meta l-mexxej laburista Joseph Muscat ikkonvinċa l-maġġoranza li se jmexxi politika differenti u bir-retorika tiegħu rebaħ l-elezzjoni wara kampanja li swiet ħafna flus.

Marlene Farrugia tgħid li ħadmet biex ikkonvinċiet bosta persuni dwar l-intenzjonijiet onorabbli ta’ Joseph Muscat meta kien għadu Kap tal-Oppożizjoni u dak iż-żmien ikkonvinċiet ukoll lil Godfrey Farrugia biex jilqa’ l-istedina ta’ Muscat u jagħtih daqqa t’id. Tispjega li meta Muscat sar Prim Ministru żamm kellmtu u ħatar lil Godfrey Farrugia bħala Ministru fl-ewwel kabinett tiegħu, imbagħad spjegat kif Godfrey Farrugia ħadem b’impenn bħala Ministru tas-Saħħa iżda kien umiljat b’mod repetut mill-Prim Ministru.