Kultura

Wirja fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija: pass pass tul l-istorja Maltija

Wirja li żgur tqanqal l-interess tal-viżitaturi lejn il-wirt kbir li għandna bħala pajjiż.

Hekk tista’ tiddeskrivi l-wirja imtella’ minn Heritage Malta fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u li l-pubblika kien mistieden jattendi bi dħul b’xejn għaliha matul il-jum tat-Tnejn, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien.

“Malta, the great story of a small island nation through 100 objects” hi wirja maqsuma fi 12-il fażi differenti, li tmur lura miljuni ta’ snin u tidħol fid-dettall sa mis-snin 5,300 qabel Kristu, meta hu maħsub li l-bniedem wasal għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin.

B’mixja tul swali tal-istess mużew, il-pubbliku jista’ jimxi pass pass tul l-istorja ta’ pajjiżna. Nibdew b’ħarsa lejn millenji ta’ snin ilu, meta minħabba perjodi twal ta’ kesħa, kienet tinfetaħ triq fil-baħar bejn Malta u Sqallija, li kienet tippermetti lil annimali biex jemigraw lejn il-gżejjer tagħna.

Il-mixja mbagħad tieħdok fost 100 oġġett miġjuba minn epoki differenti tal-istorja Maltija, fosthom fdalijiet mit-tempji preistoriċi, kollezzjoni mill-baħħara Feniċi u ilbies tal-Kavallieri, fosthom tal-Gran Mastru Jean de La Valette.

Wieħed isib ukoll pitturi tas-sittax u s-sbatax-il seklu, il-qanpiena tal-HMS St. Angelo, li kienet fil-Forti Sant’Anġlu, il-George Cross u d-dikjarazzjoni tar-Repubblika.

Dan minbarra li permezz ta’ dwal u materjal awdjo-viżiv, matul il-mixja, il-pubbliku jista’ jsegwi l-ġrajjiet li seħħew tul l-epoki u kif dawn ikkaratterizzaw l-iżvilupp ta’ pajjiżna biex illum għandna l-identità partikolari tagħna.

Il-wirja, li diġa’ qanqlet l-interess ta’ numru tajjeb ta’ Maltin u turisti, se tibqa’ miftuħa sal-1 ta’ Frar 2015.