Lokali

AD tappella biex tkun ikkunsidrata mill-ġdid deċiżjoni li tiddiskrimina

Arnold Cassola, iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika  stieden lill-Ministru għal Għawdex biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni li min iħallas aktar jaqbeż il-kjur biex jitla’  abbord il-vapur tal-Gozo Channel – deċiżjoni li tolqot ħazin lill-maġġoranza tal-ħaddiema u studenti Għawdxin u Maltin.

Cassola żied jgħid li hu ta’ inkwiet li partit fil-gvern li jgħid li hu soċjal-demokratiku jħossu komdu jiddiskrimina b’dan il-mod f’servizz essenzjali. Il-Professur Cassola staqsa x’għandna nistennew iżjed diskriminazzjoni favur min għandu l-flus fil-qasam tas-saħħa, fost oqsma oħra. Is-sens ta’ ġustizzja soċjali jitlob mod ieħor, temm jgħid Cassola.
Madankollu, il-kelliem għall-energija, l-industrija u t-trasport Ralph Cassar wera d-disapprovazzjoni ta’ AD għad-deċiżjoni tal-Ministru ta’ Ghawdex li jdaħħal il-kunċett ta’ priority boarding fuq is-servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex.

Ralph Cassar qal li hu inkonċepibbli kif fuq servizz essenzjali bħalma hu s-servizz tal-Gozo Channel, min għandu l-flus jingħata preferenza fuq min għandu inqas. Hu saħaq li servizzi bażiċi m’għandhom qatt jiddiskriminaw abbażi ta’ mezzi finanzjarji. Dawk inqas sinjuri bħal ħaddiema u studenti wkoll għandhom il-jedd li jaslu fil-ħin għax-xoghol jew studju mingħajr ma jinqabżu minn min jingħata l-privileġġi għax jiflaħ iħallas ghalihom. Min jagħmel sforz u jasal fil-ħin issa se jibda jiġi penalizzat, temm jgħid Cassar.