Mijiet ta’ persuni evakwati u ħamsa midruba kawża ta’ splużjoni ta’ ħażna tal-gass LNG f’impjant f’Washington, l-Istati Uniti. L-inċident, li kkaġuna anke nirien, seħħ kmieni t-Tnejn filgħodu ħin Amerikan (għall-ħabta tal-4.30pm tal-bieraħ f’Malta). Jirriżulta li l-isplużjoni wasslet biex inħolqot sħaba ta’ gass fl-arja, filwaqt li kien hemm ukoll xi gass li ħareġ mill-impjant iżda b’xorti tajba ma ħax in-nar.
Għadu mhux magħruf x’ġara ezatt, iżda qed jingħad li leakage li kien hemm minn pipeline li bih jitwassal il-gass fil-Power Station ikkaġuna splużjoni li fiha ntlaqat wieħed miż-żewg tankijiet kbar bil-ħażna tal-gass fil-faċilità, li hu propjetà tal-kumpanija Williams Companies Incorporated. L-isplużjoni wasslet biex f’ħin qasir kellhom jiġu evakwati r-residenti kollha li jgħixu f’żona ta’ aktar minn 3km mad-dawra tal-impjant tal-LNG, filwaqt li kellhom jingħalqu wkoll numru ta’ highways u toroq importanti oħra fiż-żona.
Ħaddiem fl-impjant spiċċa maħruq u erba’ ħaddiema oħra ntlaqtu minn biċċiet li taru mal-isplużjoni. Huma kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura. Iż-żewġ tankijiet tal-gass kellhom madwar terz mimli gass qabel l-isplużjoni. B’kobor ta’ madwar 133 pied, bejniethom kapaċi jieħdu 1.2 biljun pied kubu ta’ gass LNG. L-isplużjoni nstemgħet minn 32km ‘l bogħod.
Kif mistenni, minbarra rappurtaġġ internazzjonali, dan il-każ fetaħ beraħ għajnejn u widnejn bosta Maltin. Dan fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Malti ddeċieda li t-tanker bil-ħażna tal-gass, bħala parti mill-proġett tal-Power Station il-ġdida, ipoġġih fil-Bajja ta’ Marsaxlokk u mhux barra. Fuq diversi social networks kienu bosta dawk li kkummentaw.
Fost dawn kien hemm il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norman Vella, li ‘xxerja’ l-istorja fuq il-profil tiegħu. Filwaqt li l-post ħoloq dibattitu b’numru ta’ persuni jgħidu tagħhom, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni V18 u eks Segretarju tal-Partit Laburista Jason Micallef kellu reazzjoni differenti. Fil-kumment tiegħu, Micallef injora għal kollox il-kontenut tal-istorja u akkuża lil Norman Vella b’attitudni diżgustanti minħabba li ‘xxerja’ din l-istorja.
//= $special ?>


