Edukazzjoni Lokali

Filmat: Għall-SDM, l-istudent fiċ-ċentru tal-ħidma

L-għaqda tal-iStudenti Demokristjani Maltin (SDM) nediet il-kampanja u l-kandidati tagħha għall-elezzjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), li mistennija ssir fl-10 ta’ April. It-tema tal-kampanja tal-SDM hi “Int fiċ-Ċentru tal-Ħidma Tagħna”.

It-tnedija saret waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-Kampus tal-Università, li fiha ħadu sehem il-President tal-SDM Joseph Grech u l-kandidat tal-SDM GayleLynn Callus, li se jikkontesta għall-kariga ta’ President tal-KSU. Preżenti wkoll l-10 studenti l-oħra li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-KSU f’isem l-SDM.

Joseph Grech qal li t-tema tal-kampanja turi l-impenn tal-SDM li tinvolvi aktar nies u biex il-ħidma tal-KSU tkun wahda li ddur mal-istudenti. Hu qal li l-kandidati ntagħżlu għax urew il-kapaċitajiet tagħhom fil-ħidma favur l-istudenti. Hu spjega li l-kampanja se tkun ibbażata wkoll fuq it-tiġdid biex il-KSU jibqa’ relevanti għall-istudenti, b’rappreżentanza kontinwa ħalli l-istudenti jħossuhom stmati.

Min-naħa tiegħu, GayleLynn Callus qal li l-kariga ta’ President tal-KSU ġġorr magħha responsabbiltà, iżda flimkien mat-tim ta’ kandidati se jaħdem favur l-istudenti kollha biex huma jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-KSU. F’kumment lil MaltaRightNow.com, hu spjega x’għandhom ikunu l-miri ewlenin tal-KSU għas-sena li ġejja u l-isfidi ewlenin tal-istudenti llum.

Bħalissa fl-Univeristà u fil-Junior College hemm madwar 10,000 student u studenta u t-terminu tal-KSU hu ta’ sena.