Lokali

Filmat: L-MUMN tikkritika t-trasferiment tal-pazjenti mill-Isptar Mater Dei lejn l-Isptar San Luqa

Id-deċiżjoni tal-Gvern li biex isolvi l-problema ta’ ffullar u nuqqas ta’ sodod, jitrasferixxi pazjenti mill-Isptar Mater Dei lejn l-Isptar San Luqa diġa’ ġiet deskritta bhala waħda li hija ta’ detriment sew għall-pazjenti kif ukoll għal dawk li jaħdmu fil-professjoni tal-kura tas-Saħħa f’pajjiżna.

Fl-ewwel reazzjoni ufficjali tagħha, anke l-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel ikkritikat b’qawwa din id-deċizjoni li ttieħdet mingħajr konsultazzjoni mal-MUMN. Waqt li kienu diversi l-pazjenti nfushom li qed jesperjenzaw dan kollu, li wkoll tkellmu ma’ dan l-istazzjon.

Membru tal-familja ta’ pazjenta partikolari spjegat il-kundizzjonijiet li fihom qed tinżamm ommha. Li għandha kwazi 90 sena.  U li giet trasferita minn Karin Grech lejn is-swali li l-Gvern holoq f’St Luke’s biex is-sodod f’Karin Grech jintuzaw ghal min qed jingieb minn Mater Dei.

Qraba ta’ pazjenti oħrajn f’St Luke’s li tkellmu magħna spjegaw kif bejn sodda u oħra, ftit li xejn hemm spazju, tant li l-qraba li jmorru jaraw lill-għeziez tagħhom bilkemm qed ikollhom fejn joqgħodu. Persuna minnhom iddeskriviet il-pazjenti fl-Isptar San Luqa qishom tiġieġ, tant kemm m’għandhomx spazju fejn joqgħodu.

Oħrajn ikkummentawlna dwar l-igjene fl-isptar, u saħanistra semmew kif bil-lejl ikun hemm firien kbar jiġru f’dawk il-partijiet magħluqa tal-isptar, li mhumiex accessibbli għax qed jikkollassaw. Wieħed ma jridx jinsa li dan il-post issa ilu magħluq 7 snin u f’daqqa waħda reġa’ beda jilqa’ lill-pazjenti.

Min-naħa tagħha, l-MUMN ikkundannat din id-deċiżjoni u f’kummenti lil dan l-istazzjoni il-President tal-Union Paul Pace saħaq li l-ftuħ mill-ġdid ta’ sptar jitlob pjan serju għall-ġid tal-pazjenti u l-ħaddiema li jaħdmu fl-istess sptar.

Il-President tal-MUMN ikkundanna wkoll il-fatt li dan il-pass sar mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Union.

U minkejja dan it-tentattiv tal-Gvern biex jipprova jsolvi l-problema tal-iffullar b’dan il-mod, it-tgergir dwar dak li qed jiġri fl-Isptar Mater Dei xorta għadu qed jaslilna.

Pazjenti qegħdin jilmentaw għaliex malli ddaħlu fl-Isptar, qegħdin jinżammu ġranet twal fuq stretcher. Imbagħad, jiġu trasferiti fuq sodda f’nofs kuridur. Imbagħad, qalulna l-qraba ta’ dawn il-pazjenti, jekk ma jkunx hemm post, jitpoggew fi kmamar li sa ftit ilu kienu jintużaw bħala stores, kif jixhed dan ir-ritratt.

F’dan l-ispeċi ta’ ward, qalulna l-pazjenti, hemm biss toilet wieħed u shower waħda għall-pazjenti kollha. U nies b’mard differenti qegħdin jitpoġġew flimkien.

U l-istejjer mis-settur tas-saħħa ma jiqfux hawn. Issa jirriżulta li żewġ pilloli oħra jinsabu out-of-stock, u ilhom hekk għal dawn l-aħħar tliet gimgħat. Dawn huma l-Amlodipine, li tittieħed għall-pressjoni u l-qalb kif ukoll il-Bunetamine, li tittieħed għall-pressjoni.