Ekonomija Lokali

Il-qgħad f’Malta reġa’ żdied, anke fi Frar 2014

Statistika ppubblikata fl-aħħar sigħat mill-Unjoni Ewropea tikkonferma li anke fi Frar 2014 il-qgħad f’Malta reġa’ żdied. Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li fi Frar, dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol madwar l-Ewropa naqsu bi ftit meta mqabbel ma’ Frar 2013. Madankollu, fl-istess perjodu, f’Malta u Għawdex il-qgħad żdied għal 6.9%.

L-istatistika tal-Eurostat turi li f’Jannar 2014 il-qgħad fl-UE naqas minn 10.9% għal 10.6%, filwaqt li fiż-Żona Ewro r-rata medja ta’ dawk bla xogħol naqset minn 12% għal 11.9%. F’Malta, iżda, il-qgħad żdied b’0.6%, minn 6.3% fi Frar 2013 għal 6.9% fi Frar 2014.

Filwaqt li l-qgħad żdied fi 11-il Stat Membru tal-UE fosthom Malta, naqas fi 15 u baqa’ fl-istess livell f’żewġ pajjiżi. Anke l-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied bi ftit f’pajjiżna, meta mqabbel mal-istess xahar fl-2013. Anke f’dan il-każ, din iż-żieda tmur kontra x-xejra fl-Ewropa, fejn ir-rata taż-żgħażagħ bla xogħol naqset sew fiż-Żona Ewro u fl-UE.