Lokali Parlament

Illejla l-aħħar Seduta Parlamentari għal Marie Louise Coleiro Preca

Is-Seduta Parlamentari tal-lum se tkun l-aħħar waħda għall-Ministru Marie Louise Coleiro Preca, hekk kif illejla se tippreżenta r-riżenja tagħha minn Membru tal-Kamra tad-Deputati biex fi tmiem din il-ġimgħa tinħatar President. Mal-bidu tas-Seduta, wara l-ħin għall-Mistoqsijiet Parlamentari, Coleiro Preca se tagħmel l-aħħar diskors tagħha fil-Parlament bħala Deputat. Imbagħad, kif tippreżenta r-riżenja tagħha lill-iSpeaker Anġlu Farrugia, hi toħroġ għall-aħħar darba mill-Kamra tar-Rappreżentanti.

Wara li l-iSpeaker jaqra l-ittra tar-riżenja, se titressaq Mozzjoni ta’ Ringrazzjament lil George Abela għas-servizz li ta lir-Repubblika bħala President. Wara, titressaq il-Mozzjoni li permezz tagħha, Marie Louise Coleiro Preca tinħatar id-disa’ President ta’ Malta. Wara li jindirizzaw lill-Kamra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, jittiehed vot mid-deputati fuq dawn iż-żewġ Mozzjonijiet.

Kif diġà hu magħruf, iż-żewġ naħat tal-Kamra mistennija jkunu unanimi fl-approvazzjoni tagħhom biex il-Ministru Coleiro Preca tinħatar is-suċċessur ta’ George Abela. Hekk kif jagħlaq id-Dibattitu u jittieħed il-vot, il-Kamra tiġi aġġornata mill-ewwel għal għada. Marie Louise Coleiro Preca se tinħatar Kap tal-Istat il-Ġimgħa li ġej, meta l-Parlament se jerġa’ jiltaqa’ f’Seduta speċjali għall-ghoti tal-ġurament tal-ħatra.