F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru, u dalwaqt President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca tat dettalji dwar proposti li kienu ħarġu lis-settur privat f’Jannar li għadda biex jaħdem mal-Awtorita’ tad-Djar dwar l-allokazzjoni ta’ appartementi lil persuni f’diffikultajiet.
B’kollox il-gvern kien ħareġ 45 proposta li jkopru kwazi elf appartament. Dan kien ifisser li minn 3,300 persuna li kienu fuq il-waiting list biex ikunu allokati b’residenza tal-gvern, kienu se jkunu akkomodati terz minnhom.
Minn dawn il-45 proposta, 34 ikkoncernaw appartamenti f’Malta u ħdax f’Ghawdex. Disa’ minn dawn il-proposti ma ġewx ikklassifikati.
Il-Ministru Coleiro Preca qalet li l-Awtorita’ tad-Djar se tibda sensiela ta’ laqgħat ma’ dawn l-individwi u fissret li kien hemm min, mill-privat, li offra appartamenti għall-bejgħ, oħrajn offrew binjiet li jitħallsu f’perijodu ta’ żmien filwaqt li oħrajn issuġġerew appartamenti li jitpartu ma’ assi li għandha l-Awtorita’.
Marie Louise Coleiro Preca spjegat li matul is-sena li għaddiet, l-Awtorita’ tad-Djar riedet issaħħaħ l-operat tagħha u dan biex is-sistema fl-għoti tal-appartamenti tal-gvern tkun waħda ġusta u li timxi mal-politika tal-akkomodazzjoni socjali.
Hi qalet li l-Awtorita’, min-naħa, trid tibni stock ta’ appartamenti, u min-naħa l-oħra, fejn tara min qed jgħix bil-kirjiet, ikun aġevolat skont politika li min ikun qiegħed fil-waiting list ikollu sussidju biżżejjed biex ma japplikax għall-housing soċjali.
Il-Ministru Coleiro Preca kompliet li fi tmiem is-sena li għaddiet, kienet tħabbret skema li min kera post qabel l-1995 u ma setax jagħmel xogħolijiet ta’ manutenzjoni f’daru u ma ħa ebda għajnuna minn sid il-post meta ħarġet skema biex ikunu koperti dawn in-nies, issa dawn għandhom id-dritt li jgħixu f’dan il-post.
Mill-iskema “Kun Sid Darek”, l-Awtorita’ tad-Djar se tieħu żewġ miljun ewro biex tinstalla liftijiet f’binjiet fejn jgħixu nies vulnerabblu u anzjani fis-sular ta’ fuq nett.
Marie Louise Coleiro Preca saħqet li dan kollu sar jew qed isir bi trasparenza u biex it-taxxi tal-poplu jintużaw, fost oħrajn, għall-akkomodazzjoni soċjali.
//= $special ?>

