Qorti

Jibda għaddej ġuri dwar importazzjoni ta’ aktar minn 6kg kokaina mill-Olanda

Arnold Farrugia, ta’ 44 sena minn Ħal Luqa u residenti Ħaż-Żebbuġ, beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Lawrence Quintano akkużat li fl-2005 importa f’Malta mill-Olanda ftit aktar minn 6kg kokaina għal skop ta’ traffikar. Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-avukat Lara Lanfranco, qed tisħaq li Farrugia sar ħati talli assoċja ruħu ma’ persuni oħrajn f’Malta u barra minn Malta biex jimporta, ibiegħ jew jittraffika d-droga.

Minn analiżi u eżamijiet li saru, kien ikkonfermat li din is-sustanza kienet kokaina fl-ammont globali ta’ madwar 6.21kg f’sitt blokok u pakkett żgħir, b’purita ta’ 85.8%. Il-kokaina għandha l-valur kumplessiv fis-suq ta’ bejn €434,700 u €639,630. Farrugia qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Skont il-Liġi, f’każ li jinstab ħati, Farrugia jiġi kkundannat għal piena ta’ prġunerija għal għomru u konfiska favur il-Gvern ta’ kull flejjes jew propjetà mobbli u mmobbli tiegħu.

L-att tal-akkuża tgħid li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu ġew infurmati li persuna ta’ nazzjonalità Maltija kienet se timporta ammont sostanzjali ta’ droga llegali mill-Olanda permezz ta’ trailer-freezer propjeta tal-istess Farrugia. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li fil-jiem qabel il-25 ta’ Lulju 2005 u dakinhar, Arnold Farrugia ddeċieda li jibda jmexxi u jittraffika d-droga kokaina.

Dan kien pjan maħsub minn qabel, fejn skont l-akkuża jingħad li l-akkużat kien ftiehem ma’ persuna oħra barra minn Malta li kellha tgħaddilu d-droga biex imbagħad l-akkużat jimportaha u jikkonsenjaha lil persuni oħra f’Malta. Farrugia kien siefer bit-trailer-freezer u wara żjara fl-Olanda u wara li ngħata d-droga, li ħbiha fil-magna tal-cooler, bagħat il-kontenitur bil-vapur lura Malta u hu ħa titjira mill-Olanda għal Malta mill-Ingilterra.

Fil-25 ta’ Lulju 2005, waqt osservazzjoni li kienet qed isir mill-Pulizija fuq vetturi u mezzi oħra li jidħlu bil-vapur fl-Abatory Wharf, irriżulta li għall-ħabta tal-10am mal-wasla tal-vapur “Maltese Falcon”, il-kontenitur ġie nterċettat bħala waħda mill-oġġetti trasportati minn din id-dgħajsa u li tniżżlet f’pajjiżna. Ftit tal-ħin, wara dehret persuna ssuq mechanical horse li gganċjat mat-trailer-freezer biex tittrasportaha mill-port.

F’dak il-mument, il-Pulizija żammew il-vettura milli toħroġ minħabba s-suspetti li kellhom dwar il-kontenut illegali. Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li l-propjetarju tat-trailer-freezer hu Arnold Farrugia. Wara tfittxija li saret, il-Pulizija sabet sitt pakketti kbar u pakkett żgħir ta’ lewn iswed li rriżultaw li kellhom fihom sustanza bajda, li kienet droga kokaina.

Għal Farrugia qed jidher l-avukat Arthur Azzopardi.