Qorti

Ma jibdewx jinstemgħu l-provi fil-każ ta’ Nicholas Grech għax il-Psikjatra għadu lanqas biss rah

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Carol Peralta, kienet sorpriża u ma setgħetx tifhem kif fi żmien għaxart ijiem l-espert li qabdet, George Debono, ma rnexxielux isib ħin biex jikkomunika ma’ Nicholas Grech, li nżamm taħt arrest preventiv sakemm jiġi konkluż ir-rapport tal-espert dwar l-istat psikoloġiku tiegħu.

Nicholas Grech, ta’ 37 sena mill-Mosta, li qed jiġi mixli bi krudeltà fuq l-annimali billi wettaq atti makabri f’dawn l-aħħar sentejn u nofs fil-Mosta, inżamm taħt arrest preventiv. Il-Qorti kienet ordnat li jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli u mhux fil-Ħabs ta’ Kordin wara li kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Grech, li hu Inġinir mal-Korporazzjoni Enemalta, ġie mixli b’moħqrija ta’ annimali, bi qtil ta’ annimali domestiċi, li għamel vjolazzjoni ta’ oqbra, li kasbar ir-Reliġjon Kattolika u li daħal fil-Knisja tal-Mosta jew fil-Grotta tal-Kappella tal-Isperanza.

Fil-bidu tal-każ, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Edmond Curmi u Joseph Busuttil ippreżentaw 15-il muftieħ u ċavetta li allegatament uża l-akkużat biex ikollu aċċess għall-Knejjes u l-Kripti.

Meta l-Qorti kienet lesta biex tibda l-kumpilazzjoni, il-Maġistrat Peralta kien infurmat mill-avukat tal-akkużat Martin Fenech li l-Psikjatra George Debono għadu lanqas biss mar jara lill-akkużat fis-Sala Forensika. Għalhekk, ir-rapport li talbet il-Qorti, żgur li għadu ma ġiex konkluż. Il-Maġistrat Peralta qal li sitwazzjonijiet bħal dawn mhumiex raġjonevoli u ma jagħmlux sens, aktar u aktar meta raġel ilu taħt arrest preventiv għal 10 t’ijiem.

L-Uffiċjal Prosekutur Edmund Cuschieri qal li la l-Psikjatra Debono u lanqas xhieda oħrajn ma kienu nfurmati biex jmorru l-Qorti fuq dan il-każ minħabba li ma kienx jaf li l-każ kien skedat għal-lum. Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat qal li ma jistax nifhem kif il-media tirrapporta li l-kumpilazzjoni tibda f’jum, meta l-Prosekuzzjoni ma tafx dwar dan.

Il-kumpilazzjoni ġiet skedata għat-30 ta’ April li ġej.