Lokali

Michael Farrugia jikkjarifika r-rwol ta’ Coleiro Preca fil-qasam tal-politika soċjali wara li ssir President

Is-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia, li wara r-reshuffle fil-Kabinett se jinħatar Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali, fl-aħħar sigħat ikkjarifika li r-rwol li se jibqa’ jkollha l-predeċessur tiegħu Marie Louise Coleiro Preca f’dan il-qasam wara li tinħatar President se jkun wieħed konsultattiv mingħar poteri eżekuttivi.

Farrugia kien mistoqsi dwar dan mill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet li ndirizza għall-aħħar darba bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-MEPA. Il-ġurnalisti staqsew lil Farrugia wara li l-Prim Ministru Muscat, meta ħabbar in-nomina ta’ Coleiro Preca għall-Presidenza, iddikjara li se tibqa’ responsabbli mill-aġenda soċjali.

Fost l-oħrajn, Muscat kien ħabbar li Coleiro Preca se tibqa’ fit-tmun tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-faqar u se tibqa’ responsabbli minn diversi kummissjonijiet, li bħalissa jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha bħala Ministru. Iżda mistoqsi dwar dan, Michael Farrugia qal li hu qed iħares ‘il quddiem biex jaħdem mill-qrib mal-President Coleiro Preca.

Meta kien mistoqsi kienx qed jistenna li l-Prim Ministru jneħħih mill-qasam tal-ippjanar, hu wieġeb li l-Prim Ministru għandu l-prerogattiva li jbiddel il-membri tal-Kabinett, anke jekk ikunu qed iwettqu dmirhom tajjeb. Mistoqsi wkoll jekk għandux ikun hemm xi bidliet fil-politika dwar l-ippjanar, il-Ministru Farrugia qal li dan mhux se jkun il-każ. Hu tenna li l-inizjattivi kollha li saru f’din l-aħħar sena se jitkomplew mis-suċċessur tiegħu Michael Falzon. Qal ukoll li l-Perit Robert Musumeci se jibqa’ Konsulent tal-Gvern dwar l-Ippjanar.

Sadanittant, fil-konferenza tal-aħbarijiet, li saret fil-kwartieri tal-MEPA, tħabbru regolamenti ġodda bl-iskop li jkunu ndirizzati numru ta’ nuqqasijiet li għandhom x’jaqsmu mal-aċċessibbiltà għal persuni bi problemi ta’ mobbiltà fejn jidħol l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet tal-ippjanar. Dawn saru b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD).

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, tħabbar li issa se jkollha President ġdid, hekk kif Oliver Scicluna se jinħatar f’din il-kariga wara li Joe Camilleri se jirriżenja wara 20 sena fit-tmun.