Veru li Joseph Muscat kien wiegħed li se jagħmel terremot, imma fejn tobsor li wara sena kellu jġarrab terremot fil-gvern tiegħu stess? Għax ir-reshuffle li kellu jagħmel nhar is-Sibt li għadda, tlett ijiem qabel ma kienet mistennija, kienet quċċija drammatika tal-gvern ta’ Muscat b’riżenji mill-kabinett, għal waħda tnejn.
Muscat, li wiegħed it-trasparenza, inkixef kemm jaħbi
Il-Prim Ministru li wegħedna trasparenza spiċċa nkixef kemm jaħbi. Għax Muscat vera qed imexxi gvern tal-ħabi biex ittama li jgħatti r-riżenja ta’ Godfrey Farrugia billi jagħmel ir-reshuffle malajr ħalli taparsi lil Farrugia neħħieh hu.
Muscat inkixef minn sħabu stess
Aktar tal-ħabi Muscat meta Franco Mercieca – li Muscat tant iddandan bih qabel l-elezzjoni – kien ilu li qallu li jrid jitlaq ġimgħat sħaħ, u Muscat żamm kollox moħbi jittama li taparsi wkoll in-nies jaħsbu li neħħieh hu lil Mercieca. Imma Muscat inkixef minn sħabu stess.
Paroli bombastiku ta’ Muscat dwar l-aqwa kabinett fl-istorja…
Għax-xeni u l-paroli bombastiku ma jaqilgħu ħadd lil Muscat. Għeluq is-sena rama tinda f’Misraħ il-Palazz u poġġa ħafna nies sbieħ warajh ħalli jċapċpu għal dak li suppost fissret l-ewwel sena ta’ dak li suppost kien l-aqwa kabinett fl-istorja ta’ Malta.
… l-akbar kabinett fl-istorja, u li qed jiswa l-aktar flus bil-ħatriet lil tal-qalba
L-akbar kabinett fl-istorja ta’ Malta, dak veru, u hekk se jibqa’, u l-aktar kabinett li qatt se jkun sewa flus bil-ħatriet li qed isiru fih u bih lil tal-qalba, dak ukoll, imma fil-quċċija vera – mhux tax-xeni, imma tas-sustanza – rajna lil Muscat jaħrab.
Muscat ħarab mill-ġurnalisti
Għax Muscat ġabar lill-ġurnalisti barra l-grada tal-Girgenti u qagħad jibagħtilhom il-gallettini, imma ma rama l-ebda tinda nhar is-Sibt ħalli jiffaċċja l-mistoqsijiet u jagħti t-tweġibiet serji għar-riżenji u għat-terremot li sofra fil-kabinett, anzi ħarab jiġri, b’ħafna karozzi qablu u warajh, li ma jmurx xi ġurnalist iwaqqfu.
Muscat ma jista’ jwaħħal f’ħadd
Ħarba xhieda li Muscat staħa jiffaċċja lill-ġurnalisti ħalli jerfa’ r-responsabbiltà li hi tiegħu waħdu għall-gvern tiegħu u għall-istil tat-tmexxija tiegħu. Għax Muscat waħdu responsabbli għal dak li għaddej fil-gvern u ma jista’ jwaħħal fl-ebda ministru, kif iħobb jagħmel. U responsabbli wkoll għal kif qed imexxi.
Gvern immexxi bil-ksuħat
Ikollna ċans nikkummentaw fuq l-artiklu ta’ Marlene Farrugia fl-Independent tal-bieraħ, imma li Muscat jieħu pjaċir joħloq l-ispekulazzjoni u l-inċertezza fil-ministeri tal-gvern tiegħu stess u fil-pajjiż u li nies qribu jitfgħu insinwazzjonijiet fil-gazzetti kontra l-ministri tiegħu stess, veru għandna gvern immexxi bil-ksuħat.
Ma tistax taħdem ma’ Muscat, lanqas jekk tkun taqbel miegħu
Imma nhar is-Sibt ma kellux biex jitkessaħ Muscat; għalhekk ħarab. U wera li ma tistax taħdem miegħu, lanqas jekk tkun taqbel miegħu.