Sitt ħaddiema li jaħdmu fil-Manoel Island Yacht Yard weġġgħu fi splużjoni ta’ gass li seħħet dalgħodu fi slip way fil-Yacht Yard stess għall-ħabta tal-11.30am. Fil-post issejħu tliet Ambulanzi, li ħadu lill-ħaddiema l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Il-ħaddiema huma kollha rġiel, ta’ 28 sena u 43 sena mill-Fgura, ta’ 39 sena mill-Ħamrun, ta’ 56 sena minn Birkirkara, u żewġ Eġizzjani ta’ 37 sena u 38 sena. Jidher li wħud mill-ħaddiema belgħu gass velenuż tat-tip Carbon Dioxide (CO2), tant li fil-post issejħu membri tal-Hazardous Material Unit mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw il-ħruġ tal-gass.
Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-ħaddiema kienu qed jagħmlu xi xogħol fuq vapur Libjan li jinsab għat-tiswija fil-Yacht Yard. Fil-post issejħu wkoll il-Pulizija, immexxija mid-Deputat Kummissarju Ray Zammit. S’issa għadha mhix magħrufa l-kundizzjoni ta’ saħħet il-ħaddiema nvoluti, għalkemm jidher li tnejn minnhom sofrew feriti serji aktar minn oħrajn.
//= $special ?>

