Il-Gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jagħti dettalji dwar is-salarju u l-kundizzjonijiet tal-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jimmy Magro bħala Chairman Eżekuttiv ta’ aġenzija tal-Malta Enterprise responsabbli li tikkordina proġetti maġġuri, fosthom il-proġett tal-Life Sciences Centre. Qed jirrifjuta wkoll li jagħti dettalji dwar Joshua Zammit, li nħatar mill-Gvern Laburista bħala Deputat Chairman u Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks.
MaltaRightNow.com kien bagħat mistoqsijiet lill-Ministru Chris Cardona, li hu politikament responsabbli mill-Malta Enterprise u mill-Malta Industrial Parks. Madankollu, Cardona qatt ma wieġeb kemm qed jitħallsu Magro u Zammit għall-karigi ġodda taghhom minn Gvern Laburista. Anke fil-Parlament, il-Gvern qed jibqa’ sieket dwar kemm qed idaħħlu dawn in-nies mill-karigi li nħatru fihom, bil-Ministru Chris Cardona ma weġibx lanqas sensiela ta’ Mistoqsijiet Parlamentari li għamillu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
Fl-aħħar ġimgħa, Chris Said irrefera għall-Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti dwar dawn il-każi li baqgħu ma ġewx imwieġba, fosthom fil-11 ta’ Marzu u fl-24 ta’ Marzu. Fiż-żewġ risposti, Chris Cardona reġa’ ma tax dettalji dwar is-salarju u l-kundizzjonijiet ta’ xoghol, iżda qal biss li l-proċess li bih inħatru Magro u Zammit hu trasparenti. Hu assigura lill-Oppożizzjoni li ġew segwiti l-proċeduri kollha governattivi. Chris Cardona qal li dettalji oħra li talab id-Deputat Chris Said huma personali u kunfidenzjali u ma jarax għalfejn għandu jiżvelahom.
Dan minkejja li dawn il-persuni qed jitħallsu minn fondi pubbliċi u allura mit-taxxi tal-poplu Malti.
//= $special ?>

