Lokali

Stqarrija dwar l-festi nazzjonali

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti sostna li d-deċiżjoni tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, li tuża l-kanzunetta bl-Ingliz ‘Come Together’ tal-Beatles bħala l-kanzunetta ufficjali għall-anniversarji nazzjonali li pajjiżna qed jiċċelebra din is-sena, kienet deċiżjoni żbaljata għall-aħħar.

Fi stqarrija, l-Kunsill qal li huwa ironiku li bħala kanzunetta maħsuba biex tiċċelebra n-nazzjon sovran tagħna u biex tinstema f’diversi okkażjonijiet ta’ importanza u ta’ simbolizmu nazzjonali, il-Fondazzjoni kellha taqa’ fuq kanzunetta bi lsien ieħor.

Fil-fatt, kien biss wara r-reazzjoni negattiva tal-pubbliku li d-deċiżjoni nbidlet u ntqal li l-kanzunetta ufficjali mhijiex “Come Together” iżda Celebration – mill-ġdid isimha bl-Ingliż, ta’ awturi  u kompożituri Maltin, u li din il-kanzunetta issa se tkun irrekordjata wkoll bil-Malti bl-isem Celebrazzjonijiet.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qal li okkazjoni nazzjonali bħal din, anniversarji ta’ tmiem il-kolonizzazzjoni, l-Indipendenza, ir-Repubblika u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, kienet titlob li tintagħżel kanzunetta xierqa bl-ilsien nazzjonali, imbagħad, jekk ikun meħtieg, tinqaleb ukoll għall-Ingliż jew għal lingwi oħra.