Lokali

Student tal-MCAST ippremjat bil-Midalja tad-Deheb minn City & Guilds wara r-riżultati eċċellenti li kiseb

L-istudent tal-Istitut tal-Bini u l-Inġinerija tal-Kostruzzjoni fi ħdan l-MCAST Pierre Zammit kien ippremjat bil-Midalja tad-Deheb wara li kiseb riżultati eċċellenti mill-istituzzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali City & Guilds fil-Welding u l-Fabbrikazzjoni. F’ċerimonja qasira, il-Prinċipal tal-MCAST Stephen Cachia qal li jinsab onorat f’isem il-Kulleġġ li Pierre Zammit kiseb dan il-Premju għax għamel unur għalih personali u anke għal Malta.

Stephen Cachia qal li l-istudenti tal-MCAST qed juru li mhux biss jibbrillaw lokalment, iżda qed jeċċellaw ukoll f’pajjiżi barranin. Il-Prinċipal tal-MCAST faħħar lil Pierre Zammit li, mhux biss hu student eżemplari, iżda jinteressa ruħu b’mod proattiv fl-attivitajiet li jsiru fil-Kulleġġ għall-ġid tal-MCAST.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST Silvio Debono qal li l-istudenti Maltin jippromettu tajjeb ħafna fl-istudji għax qed jesponu l-ħiliet u l-abbiltajiet tagħhom, li jħabbtuha ferm ma’ studenti oħrajn f’pajjiżi barranin.

Il-Maniġer Reġjonali ta’ City and Guilds fl-Ewropa Brid Healey fissret li minn miljuni ta’ studenti fid-dinja li joqgħodu għal suġġetti li jwasslu għal ċertifikati minn City & Guilds, 100 biss jiġu ppremjati b’Medalja tad-Deheb għall-Eċċellenza. Skont Brid Healey dan hu ta’ unur mhux biss għal Pierre Zammit iżda wkoll għall-MCAST. Fil-fatt, id-Direttur tal-Istitut għall-Bini u l-Inġinerija tal-Kostruzzjoni ġie ppremjat ukoll b’ċertifikat għan-nom tal-Istitut li jmexxi għar-riżultati eċċellenti miksuba.