Qorti

Tnejn oħra l-Qorti dwar allegat tbagħbis fl-iSmart Meters

Żewġt irġiel oħra tressqu l-Qorti, illum, dwar allegat tbagħbis fl-iSmart Meters tal-Enemalta. Anthony Mifsud, ta’ 50 sena mir-Rabat u li hu skilled labourer mal-Enemalta, u Martin Cilia La Corte, ta’ 49 sena minn Marsaskala u li hu cleaner, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Huma ġew mixlija b’mod separat quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli li għamlu qligħ b’qerq għad-dannu tal-Korporazzjoni Enemalta. Iż-żewġ akkużati baqgħu miżmuma arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Għal Cilia La Conte dehret l-avukat Gianella de Marco, filwaqt li għal Mifsud dehret l-avukat Caroline Farrugia. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Daniel u Roderick Zammit.

B’hekk, in-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti b’rabta mat-tbagħbis fl-iSmart Meters issa tela’ għal sitta, bi tnejn minnhom kienu ammettew u l-oħrajn wieġbu li mhux ħatja u nżammu taħt arrest preventiv.