Parlament

Aktar minn 400 Pulizija jingħata transfer f’din is-sena

430 membru tal-Korp tal-Pulizija ngħataw transfer fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista. Dan kien konfermat mill-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia meta wieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi waqt is-Seduta Parlamentari tal-bieraħ filgħaxija.

B’kollox, in-numru ta’ transfers li ngħataw fid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru Mallia jlaħħqu 625. It-tieni l-aktar entità li fiha ngħataw transfers kienet l-Armata, b’76 transfer, segwita mill-Uffiċċju tal-Immaniġġjar tal-Identità, b’36 transfer. Kważi l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Mallia ħarġu transfers fl-aħħar sena.

Dawn jinkludu l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sigurtà tal-Ajruport, id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole, ir-Reġistru tal-Artijiet u r-Reġistru Pubbliku, l-Uffiċċju tal-Passaporti, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza, l-Uffiċċju tad-Direttur għad-Difiża, id-Dipartiment tad-Detenzjoni u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati.