Futbol

Barcelona projbiti milli jagħmlu trasferimenti

Barcelona ingħataw projbizzjoni milli jagħmlu trasferimenti għall-istaġun li ġej wara li l-FIFA sabet irregolaritajiet fl-akkwisti tagħhom fuq livell tal-Youths.

10 akkwisti li saru bejn l-2009 u l-2010 kienu nvestigati mill-FIFA li sabet biżżejjed provi biex twaqqaf lil Barcelona għaż-żewġ perjodi ta’ trasferimentui li ġejjin.

It-trasferimenti ta’ Barcelona kienu taħt skrutinju kbir dan l-istaġun u l-eks President Sandro Rosell irriżenja wara li tqajmu dubji dwar it-trasferiment tal-Brażilajn Neymar.

Fi stqarrija l-FIFA qalet li l-Kumitat tad-Dixxiplina ħa passi kontra l-FA Spanjola u Barcelona minħabba ksur tar-regolamenti fuq it-trasferimenti u reġistrazzjoni tal-plejers taħt it-18-il sena.

“Il-kumitat tad-Dixxiplina jqis dan in-nuqqas bħala ksur serju tar-regolamenti u ddeċieda li jwaqqaf lil-klabb milli jagħmel trasferimenti, kemm lokali kif ukoll internazzjonali għal żewġ perjodi sħaħ u konsekuttivi ta’ trasferimenti, flimkien ma’ multa ta’ 370,000 ewro. Barra dan il-klabb ingħata perjodu ta’ 90 jum biex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu fejn jidħlu l-plejers kollha tal-minors involuti.”

L-FA Spanjola kienet immultata 410,000 ewro u ngħatat sena żmien “biex tirregolarizza s-sistema eżistenti tagħha fejn jifħlu trasferimenti internazzjonali ta’ plejers tal-minors.”

Il-Ġimgħa l-oħra Barcelona kisbu l-firma tal-internazzjonali Kroat ta’ 17-il sena Alen Halilovic u għelbu l-isfida ta’ klabbs oħra bħal Tottenham u Arsenal li kienu nteressati fil-plejer.

Mhux magħruf jekk il-ftehim ta’ Halilovic kienx parti mill-investigazzjoni tal-FIFA imma jekk l-embargo jinżamm ikun daqqqa ta’ ħarta kbira għall-ġganti Spanjoli speċjalment li issa qed ifittxu gowlkiper wara t-tluq ta’ Victor Valdes fi tmiem l-istaġun u rtilalhom id-difensur Carles Puyol.