Sport

Bidu mill-aqwa għall-Maltin

Il-koppja Maltin Sue Abela u Joanna Attard kellhom bidu mill-aqwa fis-17-il edizzjoni tal-Kampjonati tal-Mediterran hekk kif rebħu l-midalja tad-deheb u tal-bronż fil-kategorija tas-singles tan-nisa. Dawn il-kampjonati qed isiru f’Ġibilta` u jintemmu nhar il-Ħadd li ġej u fit-tim Malti, mnbarra Abela u Attard hemm Justin Caruana Scicluna u Neil Sullivan. Ma’ dawn hemm ukoll il-kowċ nazzjonali Rick Vogelesang u l-President tal-MTBA Paul Baldacchnino.

Abela, li kienet qed tikkompeti kontra 20 bowler kellha bidu tajjeb meta fl-ewwel sessjoni ġabet 228 punt u fit-tieni sessjoni ġabet 217 punt. Fit-tielet sessjoni Abela naqqset xi ftit ir-ritmu u ġabet punteġġ ta’ 180 imma xorta baqgħet fuq quddiem. Fir-raba’ sessjoni ġabet 187 punt u fil-ħames sessjoni reġgħet qabżet il-200 punt meta ġabet 211 punt u b’hekk bniet vantaġġ ta’ 34 punt f’ras il-klassifika. Fl-aħħar sessjoni ġabet 234 punt għal total ta’ 1257 biex b’hekk spiċċat quddiem il-Franċiża Lauriane Celie li ġabet 1198 punt.

Il-Maltija l-oħra Joanna Attard ukoll daqet is-suċċess fl-ewwel jum ta’ dawn il-kampjonati. Attard bdiet billi ġabet 181 punt fl-ewwel sessjoni u kompliet titjieb hekk kif ġabet 199 fit-tieni waħda. Fit-tielet sessjoni baqgħet konsistenti u ġabet 198 punt biex b’hekk baqgħet viċin tal-ewwel tliet avversarji.

Kien fir-raba’ sessjoni fejn Attard marret kemmxejn lura meta ġabet 163 punt u fil-ħames sessjoni ġabet 175 punt biex xorta baqgħet f’riskju li tibqa’ mingħajr midalja għax qabel bdiet l-aħħar sessjoni kienet fis-seba’ post. Konxja minn dan il-fatt, Attard ġabet 243 punt biex telgħet fit-tielet post b’total ta’ 1159 punt. L-eqreb avversarja tagħha, il-Griega Styliani Tsikouna ġabet biss 169 punt u b’hekk Attard rebħet il-bronż.