Lokali

Gordon Manche se jippreżenta petizzjoni kontra l-adozzjoni tat-tfal minn koppji gay

Gordon John Manche, li jmexxi l-kongregazzjoni River of Love Christian Fellowship, illum se jippreżenta petizzjoni lill-Membri Parlamentari kontra l-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess u l-Liġi tal-Unjoni Ċivili li se tippermetti dan. Manche qal li l-petizzjoni għandha aktar minn 10,000 firma li nġabru f’anqas minn erba’ ġimgħat. Qal li hu fiduċjuż li jekk ikun hemm bżonn, jinġabru biżżejjed firem biex isir referendum abrogattiv.

Manche qal li ma titwemminx li f’pajjiż fejn aktar minn 80% tal-popolazzjoni hi kontra l-adozzjoni, l-awtoritajiet jibqgħu għaddejjin. Din mhux demokrazija iżda dittatura sottili. Hu esprima l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-President ta’ Malta George Abela li ma jiffirmax din il-Liġi u qal li dan hu sinjal inkoraġġjanti.

Fl-2011, Manche kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja meta kien sostna li seta’ jikkonverti persuni omossesswali u jfejjaqhom mill-omossesswalità tagħhom. Dan kien qanqal ukoll protesta mill-komunità gay quddiem il-kwartieri ta’ River of Love f’Ħaż-Żebbuġ.