Sport Ieħor

Il-Ħamis jibda t-Tour ta’ Malta fil-Mellieħa

L-20 edizzjoni tat-Tour ta’ Malta tibda l-Ħamis u tintemm il-Ħadd 6 ta’ April. Rekord ta’ 137 parteċipanti, se jkunu qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni.

Il-parteċipanti huma maqsuma fi 43 mara – li minnhom 9 huma Maltin, 31 fil-kategorija tal-Masters għal dawk il-fuq minn 40 sena – li minnhom 9 huma Maltin – u 63 fl-Elite – li minnhom 32 se jkunu Maltin. Is-seba’ klabbs lokali se jkunu qed jieħdu sehem flimkien ma’ 17-il klabb barrani li ġejjin kollha mill-Italja u l-Ingilterra.

L-ewwel tappa se tkun ta’ 18.2 km time trial individwali li tibda fl-10 a.m. u se ssir fil-By Pass tal-Mellieħa. Minħabba n-numru kbir ta’ parteċipanti u peress li ċ-ċirkwit mhux twil, l-organizzaturio ddeċiedew li jibdew u jtemmu kull kategorija. L-ewwel li se tibda u tispiċċa se tkun il-kategorija tan-nisa, wara dik tal-Masters u finalment il-kategorija Elite.

It-tieni tappa se tkun fiċ-ċirkwit ta’ San Martin fuq 100km għall-Elite u 60 Km għall-kategoriji l-oħra. Is-Sibt it-Tour ikompli f’Għawdex bit-tiġrija tibda minn quddiem il-korsa taż-Żwiemel f’Tax-Xħajma biċ-ċiklisti jmorru lejn in-Nadur u jgħaddu mill-By-Pass tax-Xewkija għal 12-il darba fl-Elite u tmien darbiet fil-kategoriji l-oħra.

It-Tour jintemm il-Ħadd bl-aħħar tappa li tkun time trial individwali oħra fil-By-Pass ta’ Ħaż-Żebbuġ u tibda fid-9 a.m. Wara kull tappa ssir il-preżentazzjoni.