Lokali

Il-Kumitat tal-UE dwar l-ambjent se jistħarreġ l-effetti tal-power station f’Marsaxlokk

Il-kumitat tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ambjent se jistħarreġ l-aspetti ambjentali dwar il-power station li se ssir f’Marsaxlokk u li konsegwenza tagħha se jitpoġġa tanker ta’ 300 metru ‘l ġewwa fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Dan żvelah il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa waqt it-tnedija tal-kampanja tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fejn spjega l-impenn li hu wettaq biex il-proġett tal-power station ikun trattat minn dan il-kumitat tal-UE.

L-attività li nediet il-kampanja ta’ David Casa saret fid-Dar Ċentrali tal-PN u matulha saru diversi interventi minn politiċi filwaqt li intwerew ukoll filmati tal-karriera politika ta’ David Casa. Għal din il-kampanja elettorali, David Casa għażel il-messaġġ ‘Leali, Malti, Ewropew’.

David Casa qal li issa se jkunu żewġ kumitati tal-Parlament Ewropew li se jistħarrġu din id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista.

Dan għall-fatt li dan il-proġett se jkun trattat ukoll fil-Kumitat Ewropew tal-Petizzjonijiet.

L-Ewro-Parlamentari David Casa tkellem dwar l-importanza li l-PN jkun rappreżentat bl-akbar mod qawwi possibbli biex ikun il-vuċi taċ-ċittadini Maltin fil-Parlament Ewropew, propju f’mument meta l-pajjiż għandu bżonn Ewroparlamentari li jpoġġu l-interessi tal-pajjiż qabel l-interessi partiġġjani.

Filwaqt li tkellem dwar il-mod kif l-Ewropa dejjem kienet id-dar naturali ta’ Malta, David Casa sostna li l-PN kien dak il-partit li bil-politka tiegħu wassal biex Malta issieħbet fl-UE.

Il-PN attwa politika ta’ konvinzjoni u mhux ta’ konvenjenza, qal David Casa, li sostna li b’determinazzjoni politika l-PN dejjem kellu viżjoni Ewopea għal Malta.

Tul l-attività tkellem ukoll il-Kap tal-PN Simon Busuttil li rrikonoxxa l-impenn ta’ David Casa fil-karriera politika tiegħu favur is-sħubija ta’ Malta fl-UE.

Il-Kap tal-PN qal li minkejja li jinsab f’minoranza, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti jipproduċi ħafna iktar attività u impenn politiku mill-Ewroparlamentari Laburisti fil-Parlament Ewropew.

Rikonoxximenti oħra għall-ħidma li wettaq David Casa fil-karriera politika tiegħu saru b’messaġġi mill-President Emeritus u ex Prim Ministru Eddie Fenech Fenech Adami u mill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Kemm Eddie Fenech Adami kif ukoll Lawrence Gonzi iddiskrivew lil David Casa bħala politiku determinat favur is-sħubija ta’ Malta fl-UE u bħala persuna li kien minn tal-ewwel li emmen fl-UE u wettaq ħidma fil-Moviment ‘Iva għall-UE’ biex eventwalment Malta ssieħbet fl-UE.