Il-Ministri ġodda Edward Zammit Lewis, Owen Bonnici u Michael Farrugia, flimkien mas-Segretarji Parlamentari Michael Falzon, Chris Agius, Justyne Caruana u Chris Fearne dalgħodu ħadu l-ġurament tal-ħatra tagħhom fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta. Minbarra dawn id-Deputati, ir-reshuffle fil-Kabinett ta’ Muscat sena biss wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, kien jinkludi wkoll tibdil fil-portafoll tas-Segretarju Parlamentari José Herrera u tal-Ministru Konrad Mizzi, flimkien ma’ responsabbiltà ġdida lil Carmelo Abela. Madankollu, dawn ma kellhomx għalfejn jieħdu l-ġurament.
[headlines headline=”h3″]Muscat ma jweġibx dwar ir-riżenji ta’ Godfrey Farrugia u Franco Mercieca[/headlines]F’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara l-ġurament, il-Prim Ministru qal li din ir-reshuffle kellha ssir bilfors minħabba li Marie Louise Coleiro Preca se tinħatar President, filwaqt li Karmenu Vella ġie propost bħala Kummissarju Ewropew. Madankollu, Muscat naqas milli jgħid li t-tibdil fil-Kabinett kien sfurzat miż-żewġ riżenji ta’ Ministru u Segretarju Parlamentari. Muscat evita li jwieġeb mistoqsijiet jekk iħossx li l-poplu kellu dritt ikun jaf li żewġ rappreżentanti tiegħu, Godfrey Farrugia u Franco Mercieca, kienu se jħallu l-Kabinett. Minflok, hu għażel li jitkellem dwar id-diskussjonijiet li kellu maż-żewġ Deputati.
Mistoqsi dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Marlene Farrugia, li hi s-sieħba tal-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia, Muscat qal li jaf x’karattru għandha u japprezzaha ta’ li hi. Muscat irringrazzja lil Godfrey Farrugia u lil Karmenu Vella għas-servizz tagħhom matul l-aħħar sena, kif ukoll lil Marie Louise Coleiro Preca, li l-Ġimgħa se tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala d-disa’ President ta’ Malta.
//= $special ?>

