Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta diversi proposti dwar il-finanzjament tal-partiti u qed jinsisti li l-Gvern Laburista għandu jieqaf jabbuża minn propjetà pubblika u mill-ispekulazzjoni tal-Australia Hall (ritratt), propjetajiet oħra u anke art kbira f’St Andrew’s. Dettalji dwar il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni fuq il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit Beppe Fenech Adami, mis-Segretarju Ġenerali Chris Said u mill-President tal-Kunsill Ġenerali Paula Mifsud Bonnici.
Beppe Fenech Adami spjega kif minkejja li l-pajjiż m’għandux Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, il-Partit Laburista hu partit iffinanzjat mill-Istat għax għandu ammont kbir ta’ propjetà tal-Gvern li ħa u juża’ bħala każini b’kera redikola, għadu jokkupa propjetà li kienet rekwiżizzjonata mill-privat u qed iwettaq spekulazzjoni ta’ 10,000 metru kwadru ta’ art f’St Andrew’s. Din l-art biss għandha valur ta’ madwar €10 miljun, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li prattikament il-Partit Laburista m’għandux bżonn Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti għax hu diġà qed igawdi minn propjetà tal-Gvern. Din hi diskriminazzjoni kontra l-PN, sostna Fenech Adami.
Dwar il-proposti tal-PN għall-White Paper tal-Finanzjament tal-Partiti tkellem is-Segretarju Ġenerali Chris Said, li spjega kif il-proposti tal-PN jitrattaw ir-regolamentazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-partiti, ir-rekwiżiti tal-ikkontjar, id-dixxiplina tal-membri tal-partiti, ix-xoljiment tal-partiti u l-kontroll tad-donazzjonijiet u l-infieq tal-partiti u tal-kandidati għall-elezzjonijiet ġenerali. Fil-proposti tiegħu, il-PN qed jipproponi diversi bidliet mill-pożizzjoni espressa fil-White Paper imnedija mill-Gvern, fosthom li l-massimu ta’ donazzjonijiet mill-istess donatur għandu jkun ta’ €25,000 u mhux €50,000.
Bidliet oħra proposti mill-PN huma li l-infiq ta’ kandidat f’elezzjoni ġenerali jitniżżel mill-€25,000 proposti fil-White Paper għal €15,000 għal kull disrett li l-kandidat jikkontesta. Proposta bażika tal-PN hi li l-kotba tal-partiti għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissarju għall-iStandards Politiċi, li għandu jkun maħtur b’żewġ terzi tal-Parlament.
Min-naħa tagħha, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar il-prinċipji li jaqbel magħhom il-PN fil-kuntest ta’ Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti. Hi qalet li fil-leġiżlatura li għaddiet, il-PN fil-Gvern kien diġà lesta Abbozz ta’ Liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi. Mifsud Bonnici qalet li l-ebda Liġi dwar il-Finazjament tal-Partiti m’għandha xxekkel inutilment l-operat tal-partiti politiċi f’demokrazija, b’mod partikolari partit li jkun fl-Oppożizzjoni jew partit politiku li ma jkunx rappreżentat fil-Parlament.
//= $special ?>
