Ambjent Lokali

Imnedija app kontra l-bram

Permezz ta’ proġett ġdid li jġib l-isem ta’ Med-Jellyrisk, waqt konferenza tal-aħbarijiet tnedew serje ta’ inizjattivi bl-għan li jagħmlu l-esperjenza tal-għawwiema, kemm lokali kif ukoll barranin, inqas stressanti.

L-ambjentalista Alan Deidun ħabbar li parti mill-proġett Med-Jellyrisk, li sar possibbli b’finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Università ta’ Malta, hi l-app għall-ismart phones bl-isem ta’ Jellyrisk u li permezz tagħha, dawk li jużawha jistgħu jkunu jafu informazzjoni dwar il-bajjiet madwar Malta, x’tip ta’ bram hemm f’dawn il-bajjiet u kemm hu r-riskju li l-bajja jkun fiha l-bram.

Biex din l-informazzjoni tkun possibbli u korretta, hemm bżonn li l-pubbliku jikkontribwixxi billi jirraporta każi ta’ bram fejn ikun qed jgħum.

Din l-app, li se tkun tista’ titniżżel b’xejn fil-ġimgħat li ġejjin, tibni fuq il-kampanja Spot the Jellyfish li issa ilha ħames snin tirrekordja t-tip ta’ bram li jkunu fl-ibħra Maltin.

Minbarra l-app, tnieda wkoll fuljett b’informazzjoni dettaljata dwar kif wieħed jista’ jikkura gidma ta’ tipi differenti ta’ bram.

Qed tiġi organizzata wkoll kompetizzjoni tal-fotografija, fejn dawk li jieħdu sehem qed jintalbu jissottomettu ritratt ta’ brama, jew grupp ta’ bram skont il-kategorija. Minn dawn se jintagħżlu żewġ rebbieħa, wieħed jirċievi smartphone u ieħor kamera tar-ritratti li tista’ tintuża taħt il-baħar. Ir-ritratti mhux rebbieħa se jiġu ppublikati f’pubblikazzjoni apposta.

Alan Deidun ħabbar ukoll li se jsir test ta’ xbieki kontra l-bram u għaddejja ħidma biex jinħarġu l-permessi kollha meħtieġa biex tiġi nstallata xibka minn dawn u jsir studju dwar l-impatt tagħha.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Josef Formosa Gauci qal li hekk kif qed joqrob staġun ieħor tal-għawm, l-Awtorità trid li l-esperjenza tal-għawwiema f’pajjiżna tkun l-aqwa possibbli.

Josef Formosa Gauci kompla li inizjattivi simili saru fi Spanja, l-Italja u t-Tuneżija, kompetituri diretti ta’ pajjiżna fit-turiżmu. U fisser dan il-proġett bħala wieħed utli u bżonnjuż u għalhekk, qal, l-Awtorità se tappoġġjah bis-sħiħ.

Qal ukoll li informazzjoni faċli u xjentifikament valida hi l-aqwa mezz kif wieħed jindirizza l-fenomenu tal-bram li saru komuni fl-ibħra tagħna kull sena.