Lokali Qorti

Ir-Reġistri tal-Qrati ta’ Malta u ta’ Għawdex se jsiru Reġistru wieħed

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li r-Reġistri fil-Qrati ta’ Malta u ta’ Għawdex se jingħaqdu f’Reġistru wieħed. Dan għandu jfisser li se jkun hemm simplifikazzjoni tal-proċeduri li għandu jagħmel ix-xogħol aktar faċli fil-qasam tal-kamp ċivili. Dan ifisser li meta xi ħadd jippreżenta Notifika, li hu dokument uffiċjali fil-Qorti ta’ Għawdex, ikun qisu qed jirreġistrah f’Malta u viċi-versa.

Il-Ministru Bonnici, li kien qed jitkellem fir-Reġistru tal-Qorti ta’ Malta ftit wara li ħa l-ġurament fejn ġie elevat minn Segretarju Parlamentari, qal li dan se jkun ta’ vantaġġ kbir għall-Prokuraturi Legali u Avukati li se jiffrankaw ħafna mill-iskariġġ bejn iż-żewġ gżejjer. Dan is-servizz jista’ jkun dettal żgħir iżda mportanti ħafna għal min jipprattika l-Liġi. Qal li hemm diversi miżuri oħra li diġà ddaħħlu mill-Gvern, li għalkemm żgħar huma ta’ mportanza kbira bħal dik li tintbagħat SMS meta tiġi differita l-kawża u transkrizzjoni ta’ xhieda permezz ta’ email.

Dwar ir-Riforma fil-Qasam tal-Ġustizzja, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li l-Gvern għadu ffukat biex din tiġi fis-seħħ u qal li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Ġustizzja Beppe Fenech Adami għaddielu numru ta’ proposti li għaddihom lill-Avukat Ġenerali għad-diskussjoni. Fost affarijiet oħra, il-Gvern qed jannalizza li tidħol fis-seħħ Liġi biex tbiddel il-mod kif il-Maġistrati u l-Imħallfin jiġu appuntati jew imneħħija. Draft ta’ din il-Liġi kienet ippreparata mid-Dekan tal-Università fil-Liġi Kevin Aquilina u hi bbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet magħmula s-sena l-oħra mill-Kummissjoni “Giovanni Bonello”.

Il-Ministru Bonnici qal li kien qed jiddiskuti mal-Avukat Ġenerali u wara din tkun preżentata lill-Kumitat dwar ir-Riforma għad-Diskussjoni mal-istakeholders kollha. Qal li hawn ukoll saru għadd ta’ laqgħat mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni, li fihom ngħaddew numru ta’ suġġerimenti biex jiġu nklużi fid-draft. Bonnici tkellem ukoll dwar il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti, li mistennija tkun eżawrita sas-sajf li ġej, hekk kif issa għalaq iż-żmien ta’ konsultazzjoni. Tenna li bħalissa qed isiru laqgħat mal-partiti politiċi u l-Għaqda tal-Istudenti tal-Liġi.