Għall-ewwel darba f’Malta se tittella’ r-Requiem ta’ Maurice Durufle’, b’wirjiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Ir-Requiem ta’ dan il-kompożitur u organista Franċiż se tittella’ mill-Kor Għawdxi tax-Xagħra Schola Cantorum Jubilate flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni tal-Maestro Christopher Muscat.
Għal bosta sekli ir-Requiem – il-quddiesa b’suffraġju għall-erwieħ – kienet titkanta fuq melodiji Gregorjani iżda lejn nofs is-seklu ħmistax, kompożituri bdew jesploraw arranġamenti mużikali ġodda u hu maħsub li hemm madwar 2000 kompożizzjoni differenti tar-Requiem.
Ir-Requiem ta’ Durufle’ tlestiet fl-1947 u hi meqjusa bħala kapolavur korali tas-seklu 20.
L-organista Simone Vebber se jakkumpanja l-kor u l-partijiet solisti se jkunu mill-mezzo sopran Marvic Monreal u l-baxx Albert Buttigieg. Ir-Requiem ta’ Durufle’ se tittella’ l-Ġimgħa u s-Sibt fis-sala Robert Samut fil-Furjana u l-għada l-Ħadd fil-Bażilika tax-Xagħra Għawdex.
//= $special ?>