Ekonomija Lokali

L-AirMalta tħabbar titjiriet ġodda lejn Parma

Il-linja nazzjonali tal-ajru AirMalta ħabbret li mit-2 ta’ Ġunju se tibda titjiriet fuq rotta ġdida, din id-darba lejn il-belt Taljana ta’ Parma, li tinstab fit-tramuntana tal-pajjiż. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Parma u li kienet indirizzata mill-Manger tal-AirMalta għall-Italja Edwin Caruana u mid-Direttur tal-MTA għall-Marketing u l-Promozzjoni għan-nofsinhar tal-Ewropa Simon Kamsky. It-titjiriet lejn l-ajruport Giuseppe Verdi f’Parma se jkunu darbtejn fil-ġimgħa, it-Tnejn u l-Ħamis.

Edwin Caruana saħaq li l-AirMalta qed tistma li se ġġorr madwar 11,000 passiġġier fuq din ir-rotta ġdida. Dan hu wieħed minn erba’ ajruporti fiż-żona ta’ Milan, bl-oħrajn huma Linate, Malpensa u Bergamo. Min-naħa tiegħu, Simon Kamsky sostna li t-titjiriet bejn Ġunju u Ottubru se jattiraw gruppi ta’ turisti mill-qasam tan-negozju u tad-divertiment, kif ukoll vjaġġaturi li jiġu għal weekend, dilettanti tad-diving, studenti tal-Ingliż u anke turisti Taljani li jiġu Malta għall-Istorja. Kamsky saħaq li r-rotta se tappoġġja t-tkabbir tat-turiżmu lejn Malta mill-Italja.

It-titjiriet lejn Parma mistennija jikkumplimentaw is-servizz imħabbar dan l-aħħar lejn l-Ajruport Marco Polo ta’ Venezja bi tliet titjiriet fil-ġimgħa.