Lokali Qorti

L-akkużat kien ċempel rappreżentant ta’ kumpanija tal-merkanzija waqt li kien l-Olanda

Rappreżentant tal-kumpanija Emmanuel Vella and Sons qal li hu jiftakar li kien irċieva telefonata minn l-akkużat Arnold Farrugia, fejn dan talbu jekk kienx hemm xi merkanzija li setgħet tinġabar mill-Olanda, minħabba li dak iż-żmien hu kien hemmhekk.

“Mhux normali li ngħabbu “trailers” mill-Olanda minħabba li x-xogħol prinċipali tagħna jasal mill-Ingilterra u Franza, madankollu meta sirna nafu li hemm “trailer” disponibbli, ippruvajna nagħmlu favur lil Farrugia biex nutiliżżaw it-“trailer” tiegħu, li fil-fatt kien qed jivvjaġġa vojt”, qal l-istess rappreżentant.

Dan ħareġ meta kompla l-ġuri li beda t-Tlieta fejn Arnold Farrugia, qed jiġi mixli li mporta 6.2 kilos kokaina fi freezer ta’ “trailer”. Il-kontenjer inġib Malta fuq il-vapur Maltese Falcon. Fl-istess ħin l-akkużat ħa titjira mill-Ingilterra lejn Malta.

Fil-25 ta’ Lulju, tal-2005, il-Pulizija fit-Taqsima ta’ kontra d-droga għall-ħabta tal-10.00 a.m. marru mill-ewwel fuq il-kontejner li kien wasal mill-Port ta’ Genoa fuq il-vapur “Maltese Falcon”, u dan inħatt f’Laboratory Wharf.

Minn “scan” li sar fil-preżenza tal-akkużat, fejn il-kontejner anke reġa’ ittieħed lejn Ħal Far, fejn irriżulta minn eżami fiżiku, li kien hemm sitt oġġetti suwed tal-plastik u pakkett żgħir. Total ta’ droga li nstabet kienet ta’ 6.2 kilo’s kokaina, b’purità ta’ 85.8 fil-mija, li l-valur tagħha fit-triq kien ta’ bejn l-€434,700 and €639,630.

Rappreżentant ieħor tal-kumpanija Emmanuel Vella and Sons qal li meta jkun hemm vjaġġ ta’ kontejner jew “trailer” vojt u jkun disponibbli fil-kontinent, tibda proċedura sabiex tinstab il-merkanzija biex possibilment titgħabba u tintbagħat lejn Malta. L-istruzzjonijiet tat-tagħbija jgħaddu mill-ewwel u direttament lix-xufier tat-“trailer”.

Dan kien il-każ dwar it-“trailer” propjeta’ ta’ Arnold Farrugia, li kienet ingħatatlu nformazzjoni biex jiġbor il-merkanzija mill-Belġju u Franza, kompla jgħid r-rappreżentant tal-kumpanija quddiem l-Imħallef Laurence Quintano li qed jippresedi l-ġuri.

Wara xehed Alfred Vella, id-Direttur ta’ Emmanuel Vella & Sons, and Express Trailers u qal kif il-kumpanija hija responsabbli għal movimenti u loġistika. Il-Prosekutur l-Avukat Lara Lanfranco talbitu jixhed dwar x’kien ġara fil-25 ta’ Lulju tal-2005. Vella qal li n-nies tiegħu f’Ħal Far ma jkunux jafu ta’ min huwa t-“trailer”, u lanqas min fejn ikun wasal, qabel ma huma jaraw il-vettura u d-dokumentazzjoni tad-dwana.

Wara t- trailer” jinħatt u jintbagħad il-“bonded stores’ min fejn jinġabar minn sidu. Meta wasal fuq ix-xena, tad-dwana u l-Pulizija kienu diġa’ qatgħu s-siġilli. Normalment ikun preżenmti biss l-uffiċjali tad-Dwana. U wara sari l-proċess kollu. L-Avukat Lara Lanfranceo qed tirrapreżenta l-Avukat Ġenerali filwaqt li għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Edward Gatt.