Lokali

L-Ambaxxatriċi tat-Turkija għal Malta fi żjara ta’ kortesija lill-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija b’mod partikolari l-għeluq tas-siti Twitter u Youtube fl-aħħar ġimgħat.

Simon Busuttil qal dan waqt żjara ta’ kortesija tal-Ambaxxatriċi l-ġdida tat-Turkija għal Malta Ayse Sezgin fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.

Min-naħa tagħha, l-Ambaxxatriċi qalet li kumpaniji kummerċjali għandhom josservaw il-liġijiet tal-pajjiż li jaħdmu fih u l-għeluq tas-siti internazzjonali Twitter u YouTube fit-Turkija seħħ għaliex naqsu milli josservaw il-liġijiet.

Fl-introduzzjoni tiegħu, Simon Busuttil qal li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi huma eċċellenti, hawn komunità Torka ta’ daqs konsiderevoli li integrat sew fis-soċjetà Maltija u l-konnessjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jitjiebu.

Hu kompla li l-PN jixtieq jara t-Turkija bħala Membru integrat b’mod sħiħ fl-Ewropa ladarba tissodisfa l-kriterji kollha. Simon Busuttil qal li l-PN minn dejjem appoġġja l-kandidatura tat-Turkija fl-UE u se jibqa’ jagħmel dan anke mill-Oppożizzjoni.

Min-naħa tagħha, l-Ambaxxatriċi Sezgin esprimiet it-tama li tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u l-ħames titjiriet fil-ġimgħa li bdiet tħaddem il-linja nazzjonali Torka minn u lejn Malta se jgħinu bis-sħiħ biex jitjieb il-kummerċ u t-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi.

Dwar is-sħubija fl-UE, l-Ambaxxatriċi nnutat l-appoġġ kontinwu li t-Turkija ngħatat minn Malta. Hi qalet li t-Turkija hi qawwa reġjonali fuq diversi livelli, inkluż dak ekonomiku, u l-integrazzjoni tat-Turkija fl-Ewropa tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat.