Internazzjonali

L-eks ħabiba ta’ Hollande fil-Kabinett ġdid

Segolene Royal, l-eks ħabiba tal-President Franċiż Francois Hollande, saret parti mill-Kabinett ġdid f’reshuffle li saret wara riżultat diżastruż fl-elezzjonijiet għall-kunsill lokali fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Hi nħatret Ministru tal-Ambjent fil-Kabinett ġdid tal-Prim Ministru Manuel Valls.

Wara li tħabbar il-Kabinett ġdid, kien hemm ħafna spekulazzjoni dwar kemm kien hemm nies li ntgħażlu minn Hollande u kemm minn Valls biss.

Fi Franza kien hemm għajdut fil-passat li l-eks ħabib ta’ Hollande, Valerie Trierweiler, kienet opponiet bil-qawwa li Hollande jagħti xi kariga importanti lil Royal. Hollande kien telaq lil Royal biex beda relazzjoni ma’ Trierweiler biex imbagħad ftit xhur ilu nkixef li Hollande kien qed ikollu relazzjoni bil-moħbi mal-attriċi Julie Gayet.

Royal hi l-omm tal-erbgħat itfal ta’ Hollande. Hi kienet il-kandidat Soċjalista għall-elezzjoni Presidenzjali fl-2007 li kienet intrebħet minn Nicolas Sarkozy.

Il-Ħadd, il-partit ta’ Sarkozy, l-UMP, kiseb rebħa kbira u ħa l-kontroll ta’ bliet meqjusa bħala fortizzi tas-Soċjalisti bħal Limoges, Toulouse u Reims.