Christian Attard ta’ 26 sena mill-Floriana ma nstabx ħati li fit-28 ta’ Settembru tal-2008 kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina, liema droga rriżultat li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova l-każ tagħha u dan għal diversi raġunijniet.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li kif qalet id-difiża, meta ttieħdet l-istqarrija ta’ Attard, huwa ma kienx familjari ma’ ambjent ta’ interrogatorju qabel dakinhar, u għalhekk l-istqarrija tiegħu għandha tiġi skartata.
Il-Kuntistabbli Raymond Debono qal li fit-28 ta’ Settembru tal-2008, waqt avveniment mużikali li sar fil-Floriana, hu u l-kollega tiegħu għamlu tfittxija fuq Christian Attard, u waqt din it-tfittxija waqa’ pakkett mill-qalziet ta’ taħt tiegħu. Jirriżulta ċar anke mix-xhieda tal-Assistent Kummissarju Norber Ciappara, li l-unika raġuni li huwa ġie akkużat b’pusses mhux għal użu personali kien, għax bil-biża, Attard qal li d-droga ma kienitx tiegħu.
Kien qal ukoll li ma kienitx għalih, u minkejja li ftit wara qal li l-qartas kien tiegħu, kien tenna li qatt ma kien abbuża mid-droga. Il-Qorti wara li rat il-kondotta tiegħu, li kienet waħda nadifa, u l-età ta’ meta wettaq ir-reat u li nstab qartas wieħed fil-pusses tiegħu, ma sabitux ħati ta’ pusses mhux għal użu personal u ħati ta’ pusses sempliċi.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoninjiet magħmula, l-Qorti lliberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena. Għalih deheru l-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili.
//= $special ?>

