Kultura

Rumanz ġdid għaż-żgħażagħ

Mhux kull sitwazzjoni tinftiehem… sitwazzjoni ta’ tbatija ma tinftiehemx aktar. Għaliex min jgħix tajjeb, xorta jbati u min donnu ma jimpurtah minn xejn, ikompli jistagħna minn fuq dahar il-batut? Din bla sens!

Fir-rumanz il-ġdid Il-Polz Li Baqa’ Jħabbat, immirat primarjament għaż-żgħażagħ, Bertram Portelli jipprova jiddiskuti dawn il-punti u oħrajn relatati magħhom. Permezz tal-karattru ewlieni ta’ Gabriel, student universitarju, li minn imkien, ħajtu tiddellel u jiġi għal wiċċu l-maltemp kollu, Portelli jserrep mat-triq imwiegħra tal-esperjenzi ta’ dan il-karattru biex jipprova jsib tweġiba li m’hemmx, mistoqsija eterna li taqbeż lill-awturi fuwa u jserrep mat-toroq ta’ ħajjet Gabriel. Fuq daħla tal-Professur Oliver Friggieri, ir-rumanz jitħaddet bil-lingwa kontemporanja biex jgħarrex f’sitwazzjonijiet li m’għandhomx żmien ta’ skadenza.

Bertram Portelli (1988) huwa għalliem tal-lingwa u l-letteratura Maltija fis-Seminarju tal-Arċisqof fir-Rabat. Bħala persuna ggradwata fil-Filosofija u midħla sew tad-dinja letterarja Maltija, imwieżen mill-esperjenza tiegħu bħala għalliem u membru tas-Soċjetà tal-Museum, huwa jagħraf iwaħħad l-esperjenzi tiegħu mal-mistoqsijiet il-kbar tal-ħajja tal-bniedem li huma mingħajr żmien u forsi mingħajr tweġiba.

It-tnedija tar-rumanz il-ġdid se ssir nhar is-Sibt 29 ta’ Marzu, fl-10 am fid-Dar Ġenerali tas-Soċjetà tal-Museum.

Idħlu fil-paġna fb.com/ilpolzlibaqajhabbat biex tirriserva l-post tiegħek.