Investigaturi Amerikani għadd ma jistgħux jidħlu fil-post ta’ splużjoni qawwija li kien hemm f’impjant tal-Liquefied Natural Gas (LNG) fix-Xlokk ta’ Washington.
L-inċident fl-impjant tal-Williams Northwest Pipeline f’Plymouth seħħ nhar it-Tnejn u ħames ħaddiema ndarbu serjament fosthom wieħed f’kundizzjoni gravi.
Hemm tħassib fost il-forzi tas-sigurta li jista’ jkun hemm splużjoni oħra f’tank fejn hemm il-LNG maħżun tul ix-Xmara Columbia. Dan minħabba l-ħsara li sofra wara l-isplużjoni li kien hemm.
It-tankijiet jintużaw biex jinħażen gass li jinġieb mill-Kanada biex jintuża meta jkun hemm talba qawwija. Residenti kienu ilhom jilmentaw mill-perikli ta’ dawn it-tankijiet imma s-sidien dejjem sostnew li bil-LNG ma kienx hemm periklu.
Issa l-isplużjoni ta’ Plymouth tista’ twaddab taħt il-lenti proġetti oħra li hemm fl-Istati Uniti għall-bini ta’ impjanti tal-LNG.
L-isplużjoni waslet ukoll għall-evakwazzjoni tar-residenti għal zona ta’ erba’ kilometri madwar l-impjant. Minħabba l-periklu li jkun hemm splużjoni oħra, in-nies xorta mhux qed jitħallew jersqu għal madwar żewġ kilometri bogħod.
Dan il-każ qanqal ukoll dibattitu f’Oregon fejn hemm pjan biex jinbnew żewġ impjanti tal-LNG.
S’issa għadu m’hux ċar x’wassal għall-isplużjoni fl-impjant ta’ Plymouth. Dan hu l-uniku wieħed tat-tip tiegħu f’Washington. Hemm ieħor simili f’Oregon tul ix-Xmara Columbia qrib Portland.
//= $special ?>

