Qorti

Union mixlija bi tradiment tal-membri tagħha fi protest li sar minn 10 kapijiet

Għaxar kapijiet ta’ taqsimiet differenti fid-Dipartiment tas-Saħħa ppreżentaw protest fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn talbu rimedju talli skont huma l-Union Ħaddiema Magħqudin għażlet triq diżonorabbli fil-konfront tagħhom u ttradiet l-interessi u d-drittijiet tagħhom.

Il-protest sar kontra Josef Vella, Segretarju Ġenerali tal-UĦM, u Gian Paul Gauci. Segretarju tat-Taqsima Servizzi Pubbliċi tal-istess union. Il-kapijiet tat-taqsimiet qalu li huma membri tal-UĦM u rreferew għal ftehim kollettiv li din il-union u l-awtoritajiet tas-saħħa ffirmaw fi Frar tal-2013.

Joseph Castillo, Noel Ciantar, Martin Francalanza, Francis Laus, Dr. Rita Micallef, John Mifsud, John Salomone Reynaud, Cynthia Scerri u Andrew Scicluna sostnew li dan il-ftehim ippreġudika l-pożizzjoni tagħhom bħala membri tal-UĦM u li kienu jistennew li l-union tiddefendihom. Jekk il-UĦM kellha kunflitt ta’ interess, kien imissha infurmathom u huma kienu jiffurmaw “trade union għalihom”, huma qalu.

Qalu wkoll li jekk il-ftehim kollettiv imsemmi jiġi mplimentat, se jġegħilhom jikkompetu mal-ħaddiema ta’ taħthom. Qalu li l-awtoritajiet tas-saħħa kellhom joħorġu sejħa għall-applikazzjonijiet peress li s-“senior principals” kellhom pożizzjoni u mhux kariga, iżda din is-sejħa qatt ma ħarġet u s-“senior principals” ingħataw trattament preferenzjali sempliċiment għax il-UĦM għażlet li timbotta l-karru tagħhom biex huma jkunu jistgħu javvanzaw fl-iskali tal-Gvern. Dan b’dannu għall-kapijiet tat-taqsimiet.

Fil-protest ingħad ukoll li dan kollu qed isir bil-kunsens tal-UĦM, li għalhekk wettqet aġir abbużiv, diskriminatorju u illegali fil-konfront tagħhom, abbandunat u ttradiet l-interessi tagħhom.

Il-kapijiet qalu li bil-ftehim imsemmi, intilfet ir-relattività mal-gradi ta’ taħthom u ma’ gradi fi professjonijiet oħra. Fid-dawl ta’ dan, il-kapijiet talbu lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili biex tiddikjara li Vella u Gauci naqsu li jwettqu dmirijiethom skont il-Kodiċi Ċivili u naqsu li javżawhom dwar xi kunflitt ta’ interess. Talbu wkoll li jingħataw kumpens għal dan in-nuqqas. L-Avukat Tonio Azzopardi ppreżenta l-protest f’isem l-għaxar kapijiet.