BirdLife Malta llum ħabbret li ressqet Protest Ġudizzjarju fil-Qrati Maltin kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Fil-Protest Ġudizzjarju, BirdLife Malta qed issostni li matul is-snin il-Gvernijiet Maltin ma rnexxielhomx jissodisfaw il-kriterji meħtieġa biex jinfetaħ l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa.
L-għaqda qed issostni li filwaqt li l-ftuħ tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa jiddependi fuq il-qabda ta’ gamiem u summien kif rappurtata fil-ħarifa ta’ qabel, iċ-ċifri li kull darba jiġu ppreżentati mhumiex kredibbli. Il-fatt li ta’ kull sena, l-awtoritajiet lokali mhux jirnexxielhom jipprevjenu l-qtil illegali ta’ tajr protett, flimkien man-nuqqas ta’ kontrolli u monitoraġġ, huma kollha kundizzjonijiet li jmorru kontra l-Qafas Legali Nazzjonali għal pajjiżna.
BirdLife Malta qalet li minħabba li dawn il-fatti kienu rappurtati nutilment diversi drabi mal-Kumitat tal-Ornis u mal-Wild Birds Regulations Unit, l-organizzazzjoni ma kelliex għażla oħra ħlief li tieħu l-każ quddiem il-Qorti. Fi stqarrija, id-Direttur Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Steve Micklewright qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed joħroġ fiċ-ċar li l-unika triq ‘il quddiem hi li l-pubbliku jivvota f’referendum nazzjonali.
Sadanittant, grupp ta’ 39 Membru Parlamentari Ewropew minn 11-il pajjiż iltaqgħu mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Janez Potocnik. Ftit tal-jiem ilu, dawn l-MEPs iffirmaw ittra, li fiha appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tissospendi b’mod immedjat derogi preżenti u futuri għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa f’pajjiżna.
//= $special ?>

