Lokali Qorti

Aġġornata b’Filmat: Erin Tanti jinżamm taħt arrest preventiv

[headlines headline=”h3″]Il-qraba ta’ Lisa Marie jitkellmu għall-ewwel darba mal-media[/headlines]

Aġġornament 2: 4.30pm | Wara li Erin Tanti tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil tal-istudenta Lisa Marie Zahra, il-qraba tal-vittma ndirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fuq it-taraġ tal-Qorti, f’dik li hi l-ewwel darba li l-familja Zahra tkellmet mal-media dwar dan il-każ. F’isem il-familja, Winston Zahra spjega kif bħal kull tfajla oħra ta’ 15-il sena, Lisa Marie kellha l-isfidi tagħha.

Filwaqt li rringrazzja lill-Pulizija għax-xogħol li għamlet fil-każ, Winston Zahra qal li l-familja Zahra mhux se tkun qed tikkummenta aktar dwar il-mewt ta’ Lisa Marie sakemm ikun għaddej il-proċess ġudizzjarju.

Ara l-Filmat ta’ hawn fuq għal silta mill-kumment mogħti lill-media.

Aġġornament 1: 3.15pm | L-għalliem tad-drama u attur Erin Tanti, ta’ 23 sena mill-Belt, inżamm taħt arrest preventiv wara li llum tressaq il-Qorti għall-ħabta ta’ 12pm mixli bil-qtil tal-isudenta Lisa Marie Zahra ta’ 15-il sena.

Tanti wieġeb mhux ħati tas-sitt akkużi kollha miġjuba kontrieh, bl-aktar waħda gravi tkun li qatel waħda mit-tfal li hu kien jgħallem. Minbarra l-qtil involontarju ta’ Lisa Marie, hu ġie akkużat li ġiegħelha toqtol ruħha b’idejha u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tfajla li hi taħt l-età u li kienet studenta tiegħu.

L-awla kienet mimlija qraba tal-vittma, fosthom missierha l-eks President tal-MHRA Tony Zahra, kif ukoll iz-zija u l-kuġin tal-vittma Winston Zahra. Kien hemm ukoll qraba tal-akkużat, kif ukoll diversi avukati u membri tal-Korp tal-Pulizija. Erin Tanti, jew kif hu magħruf aħjar Erin Stuart Palmier, daħal fl-awla kalm ħafna.

F’isem Tanti, l-avukati Michael Schriha u Lucio Schriha, ma talbux għal-libertà proviżorja iżda biex jintbagħat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli. Il-Qorti qalet li għandu jkun id-Direttur tal-Qorti li jiddeċiedi jekk Tanti jinżammx Kordin jew jintbagħatx għall-kura Monte Carmeli.

Aktar kmieni …
[headlines headline=”h3″]Erin Tanti mistenni jitressaq il-Qorti dalgħodu[/headlines]

Erin Tanti dalgħodu se jitressaq il-Qorti ffaċċjat b’diversi akkużi, mill-Ispetturi Keith Arnaud u Josric Mifsud, anke jekk għadu mhux magħruf eżattament x’se jkunu l-akkużi miġjuba kontrih. Hu mifhum li fost l-akkużi li se jiġi mixli bihom Erin Tanti, magħruf ukoll Erin Stuart Palmier, hu dik ta’ suwiċidju assistit u relazzjoni ma’ tifla taħt l-età, Lisa Marie Zahra, li allegatament wettqet suwiċidju fl-irdum ta’ Ħad-Dingli.

Tanti kien għalliem tad-drama fl-istess skola li kienet tattendi Zahra, li kellha 15-il-sena. Fid-19 ta’ Marzu li għadda hu kien instab ftit ‘il bogħod minn Zahra, wara li t-tnejn kienu rrappurtati nieqsa mill-Pulizija. Tanti kien qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, iżda qaleb għall-aħjar u ġie rilaxxat mill-Isptar ftit tal-jiem wara. Hu ġie arrestat mill-Pulizija it-Tlieta għall-ħabta ta’ 12pm u għalhekk kollox jindika li se jitressaq ftit qabel ma jgħalqulu t-48 sena ta’ arrest.

Preżenti fil-Qorti mistennija jkun hemm il-qraba tal-vittma flimkien mal-Avukat tal-parti ċivili Joe Giglio.