Ir-riżenji ta’ ministru u segretarju parlamentari mill-kabinett ta’ Joseph Muscat taw ħafna lok għal kummenti dwar dak li qed jiġri fil-gvern – dak li Muscat s’issa kien irnexxielu jaħbi u li, naturalment, jibqa’ jipprova jaħbi. U l-ħabi qed isir marka ewlenija tal-gvern li qed imexxi Muscat.
Muscat ipprova jaħbi żewġ riżenji
Ħabi, ibda mir-riżenji. Għax issa jirriżulta li Franco Mercieca ilu li rriżenja l-ġimgħat, kif qal hu stess. Muscat ħeba r-riżenja tiegħu u ttama li bil-bdil fil-ministri li għamel malajr in-nies jaħsbu li lil Franco Mercieca neħħieh hu, mhux irriżenja. Ħabi.
Riżenji mhux imħabbrin mill-gvern
L-istess ir-riżenja ta’ Godfrey Farrugia. Muscat kien aktar ħsiebu jibgħat il-gallettini lill-ġurnalisti milli jinforma lill-pajjiż li kellu ministru li rriżenjalu. Fil-fatt, ir-riżenja ta’ Godfrey Farrugia ħabbritha Marlene Farrugia fuq facebook, mhux il-gvern. Ħabi.
Ħabi tal-kompromessi ta’ Muscat qabel l-elezzjoni
Hemm ukoll il-ħabi mill-pajjiż tal-kompromessi ta’ Muscat qabel l-elezzjoni ma’ dawk li għamel ministri u segretarji parlamentari. X’kien qal Muscat lil Franco Mercieca biex jikkonvinċih joħroġ mal-Labour, biex issa hu ċar li użah u remieh?
Muscat ħeba r-rifjut tal-President li jiffirma liġi
U mhux fuq ir-riżenji biss, Muscat jaħbi ta’ spiss. Għadu kemm kellna r-rifjut tal-President li jiffirma liġi. Aktar importanti minn x’inhi l-liġi, hu l-fatt innifsu li l-Prim Ministru ħeba li għall-ewwel darba fl-istorja l-Kap tal-Istat Malti mblokka liġi.
Ipprova jaħbi, imma nkixef u nqabad
Kellu dritt il-poplu Malti jkun jaf b’dan? U kif! Imma Muscat ipprova jaħbi billi dewwem l-aħħar stadju tal-liġi; liġi li l-aħħar li ltaqa’ l-Parlament dwarha ilu minn Frar u kien jonqosha biss ftit minuti ta’ vot li hu formalità. Imma Muscat dewwem ħalli jaħbi. B’xorti tajba, lill-Prim Ministru tal-ħabi kixfitu t-Times.
Muscat qed jaħbi u jgħatti lil dawk li xaħħmu biex serqu 100 miljun ewro
Il-maqlub tat-trasparenza, kif Muscat qed jagħmel fl-iskandlu kbir tat-tixħim biex elf ruħ serqu b’mitt miljun ewro elettriku u li Muscat, li ftaħar li jaf min huma, ra kif għamel biex jaħbihom u jgħattilhom. Kif għamel fil-każ tal-Imħallef Farrugia-Sacco jipprova jaħbi li qed idewwem kemm jiflaħ biex l-Imħallef ma jitneħħiex qabel jirtira.
Qed jaħbi x’kuntatti kellu qabel l-elezzjoni ma’ min se jibla’ miljuni kbar
Kif jagħmel f’ħatriet lil tal-qalba li Muscat qed jirrifjuta jgħid kemm qed jitħallsu minn flusna. Kif qed jagħmel fil-ħabi tal-kuntatti li kellu qabel l-elezzjoni ma’ dawk bħal Henley & Partners li se jkunu qed jibilgħu miljuni kbar. Kif Muscat għamel bl-idea tiegħu mill-bidu nett li jaħbi min huma dawk li jixtru l-passaport Malti.
Iktar milli nistaqsu x’qed jgħid Muscat, irridu nistaqsu x’qed jaħbi
Muscat hu Prim Ministru li, aktar milli nistaqsu x’qed jgħid – is-soltu paroli bombastiku tiegħu – irridu nistaqsu x’qed jaħbi; il-ħabi spiss u qawwi ta’ Muscat.