Lokali

Filmat: Il-Gvern m’għandux roadmap dwar l-Edukazzjoni

Il-Gvern Laburista m’għandu l-ebda roadmap u pjan dwar l-Edukazzjoni, tant li matul l-aħħar sena l-Gvern qabad triq żbaljata, perikoluża u nkwetanti li qed tbegħdu minn Edukazzjoni aħjar għall-poplu. Matul din l-ewwel sena, il-Gvern Laburista wera li mhux veru hu Gvern li jisma’ u mingħajr ebda konsultazzjoni, il-Ministru tal-Edukazzjoni biddel tliet sistemi li huma pilastri fl-Edukazzjoni.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-Furjana. Ħa sehem ukoll il-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jonathan Shaw. Il-Gvern ħareġ ordni biex jibdel is-sistema ta’ Edukazzjoni Inklussiva qabel ma jkollu r-riżultati ta’ studju li talab hu stess mill-Aġenzija Ewropea għal Edukazzjoni Inklussiva u għal dawk bi Bżonnijiet Speċjali.

L-ordni qed tirreferi għall-abbiltà milħuqa mit-tfal skont ir-riżultati tal-eżamijiet fil-Malti, fl-Ingliż u fil-Matematika u mhux skont il-potenzjal intellettwali tal-istudenti. Hu qal li l-Ministru Evarist Bartolo għandu japprezza li hemm diskussjoni dwar l-impatt tal-branding fuq l-edukazzjoni tat-tfal u r-reazzjoni negattiva għall-branding.

Joe Cassar qal li mingħajr ebda konsultazzjoni, lanqas mal-Union tal-Għalliema (MUT), u b’għaġġla kbira, il-Ministru iddeċieda li jintroduċi l-Ko-Edukazzjoni fl-iskejjel sekondarji kollha mis-sena skolastika li ġejja. Dan minkejja li speċjalisti fil-qasam edukattiv għandhom dubji serji dwar din is-sistema. Cassar qal li l-Ministru Bartolo ddeċieda wkoll li jintroduċi l-middle schools mis-sena skolastika li ġejja. Din tkun separata mill-iskola sekondarja ogħla u l-istudenti jkollhom jibdlu tliet skejjel f’sentejn, filwaqt li se jkun hemm ħafna trasferimenti ta’ għalliema u amministraturi. Dan se jtellef il-kontinwità fis-sistema tal-Kulleġġi.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni appella wkoll għal Konferenza Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni. Hu kkritika wkoll lill-Gvern li ma kompliex bil-programm tal-bini ta’ skejjel ġodda tal-Gvern Nazzjonalista, filwaqt li tkellem ukoll dwar l-inkwiet tal-ġenituri għall-fatt kif uliedhom se jiċċaqilqu fl-iskejjel.

Min-naħa tiegħu, Jonathan Shaw qal li l-Edukazzjoni hi fost l-aktar oqsma għal qalb l-Unjoni Ewropea u hemm opportunitajiet kbar ta’ programmi edukattivi fl-UE. Fakkar li l-Aġenzija Ewropea għal Edukazzjoni Inklussiva u għal Persuni bi Bżonnijiet Speċjali qed tagħmel studju dwar l-Edukazzjoni Inklussiva li tolqot lit-tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti.