Il-Partit Nazzjonalista għamel talba formali lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament biex jagħmel skrutinju dettaljat tal-kuntratt li ngħata lid-ditta barranija Henley & Partners. It-talba, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi, saret wara li l-Ministru għall-Intern Manwel Mallia rrifjuta li jagħti dettalji dwar il-kuntratt.
Mallia rrifjuta li jagħti d-dettalji minkejja li sarulu żewġ Mistoqsijiet Parlamentari mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Il-Ministru ġab biss l-iskuża li l-kuntratt fih informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali u b’kontenut kummerċjalment sensittiv. Barra minhekk, rappreżentant tad-ditta Henley & Partners iddikjara fuq l-istazzjon nazzjonali li l-kuntratt ma jistax ikun ippubblikat għax dan jinċidi fuq is-sigurtà nazzjonali.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qal li mhux aċċettabbli li ditta privata barranija jkollha informazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali ta’ Malta iżda l-Parlament Malti, li hu l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, jinżamm milli jkollu din l-informazzjoni.
//= $special ?>

