L-Alternattiva Demokratika tinsab imħassba dwar ċerti kundizzjonijiet ta’ xogħlijiet partikolari, li qed jispiċċaw jagħmlu n-natura ta’ dak ix-xogħol waħda prekarja b’nuqqas ta’ dinjita’ fil-konfront tal-ħaddiema.
Sostna dan il-kandidat tal-Alternattiva Demokratika għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Arnold Cassola waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ħdejn it-terminus tal-karozzi tal-linja fil-Belt Valletta.
Dan biex issir referenza wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ dawk ix-xufiera li kienu jaħdmu mal-Arriva u li issa huma prattikament impjegati ta’ kumpanija mmexija mill-Gvern, u li qed jitħallsu ħames ewro s-siegħa meta dawk ix-xufiera li ħadu post dawk li kienu jsuqu l-bendy buses qed jitħallsu ħmistax-il ewro s-siegħa.
Arnold Cassola sostna li dawn huma inġustizzji fil-konfront tal-ħaddiema u avolja l-kwistjoni tax-xogħol prekarju kienet waħda b’saħħitha matul l-aħħar kampanja elettorali u minkejja li l-Partit Laburista li llum imexxi l-Gvern, kien jgħid li se jiġġieled din il-problema, s’issa għadu ma sar xejn.
Hu rrefera għad-deċizjoni tal-MEPA li teżenta stabbilimenti li m’għandhomx faċilitajiet għal persuni b’diżabilita’. Dan jagħmilha aktar diffiċli għal persuni b’diżabilita’ li jkunu offruti xogħol. Xi ħaġa li tmur kontra dak li kien mwiegħed mill-gvern preżenti, sostna Cassola.
Dwar ix-xogħol prekarju u s-salarji baxxi ta’ ċerti ħaddiema, Ralph Cassar, is-Segretarju Ġenerali tal-AD semma’ l-kwistjoni li għaddejjin minnha l-ħaddiema tal-Enemalta. Dawn jidher li qed ikunu offruti kuntratt ta’ sentejn mill-kumpanija Ċiniża b’kundizzjonijiet differenti minn dawk li għandhom preżentement.
Ralph Cassar qal li minkejja li qal li se jiġġieled ix-xogħol prekarju, il-Gvern f’dan il-każ qed ipoġġi x-xogħol tal-ħaddiema tal-Enemalta f’sitwazzjoni prekarja.
Arnold Cassola min-naħa tiegħu fakkar li permezz tal-Parlament Ewropew, ċerti flus allokati apposta għal Malta mill-Unjoni Ewropeja jistgħu jiġu wzati biex ikun miġġieled il-prekarjat. Cassola qal wkoll li l-Partit tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew jipprova jagħmel minn kollox biex parti mill-baġit tal-UE tmur għal programmi soċjali u programmi favur xogħol li jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tal-individwi iżda l-flus tnaqqsu minn dawn l-oqsma biex marru għall-industrija nuklejari, fost oħrajn.
//= $special ?>

