Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi ressaq quddiem il-Parlament Mozzjoni b’emendi għall-Kodiċi Kriminali, li permezz tagħhom żdiedu l-penali għal min iwettaq offiza fuq Uffiċjal Pubbliku. Permezz tal-emendi mressqa mid-Deputat Nazzjonalista, il-pieni għal reati vjolenti fuq Uffiċjali Pubbliċi żdiedu biex issa jvarjaw minn minimu ta’ sena priġunerija u multa ta’ €4,000 għal massimu ta’ seba’ snin priġunerija u multa ta’ €20,000.
Fi stqarrija, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-emendi issa saru parti mil-Liġijiet Kriminali ta’ Malta. Esprima wkoll it-tama li dawn il-pieni jservu verament ta’ deterrent ħalli tonqos il-vjolenza fuq Uffiċjali Pubbliċi. L-MPA qalet li tinsab sodisfatta li fl-aħħar ġie rikonoxxut il-periklu li l-membri tal-Forzi tal-Ordni u Uffiċjali Pubbliċi oħrajn iħabbtu wiċċhom magħhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Permezz tal-istqarrija, l-MPA rringrazzjat lill-Uffiċjali Pubbliċi għall-ħidma tagħhom, filwaqt li sellmet lil dawk li sofrew minn attakki vjolenti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
//= $special ?>
