Lokali

SKANDLU: Martin Schulz neħħa paragrafu dwar il-każ ta’ John Dalli minn rapport tal-PE

Il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, li hu l-kandidat f’isem is-Soċjalisti għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea, qed jiġi akkużat bi skandlu. Dan hekk kif ġie żvelat mis-sit “EU Observer” li Schulz neħħa paragrafu minn rapport tal-Kumitat tal-Baġit fil-Parlament Ewropew, li kellu jiġi dibattut din il-ġimgħa. Il-paragrafu li neħħa Schulz kien jinkludi kritika għat-tmexxija tiegħu.

Fil-paragrafu jingħad li membri tal-Kumitat kienu mistiedna mill-Qorti Belġjana biex jixhdu fil-każ li fih hu nvolut l-eks Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u llum Konsulent tal-Gvern Malti fl-Isptar Mater Dei John Dalli. Agħar minn hekk, Schulz qed jiġi akkużat ukoll li m’għaddiex l-istedina li saret lil dawn il-Membri Parlamentari Ewropej li jiffurmaw parti mill-Kumitat tal-Baġit tal-PE biex jixhdu. Diversi drabi, hu ppospona s-smigħ li kellu jsir fil-Kumitat dwar dan il-każ.

Jidher li din hi l-ewwel darba li President tal-Parlament Ewropew qabad u neħħa paragrafu minn rapport ta’ Kumitat Parlamentari. Fil-fatt, il-paragrafu li tneħħa u li kopja tiegħu ġiet żvelata fil-media internazzjonali, jikkritika b’mod qawwi lill-President Schulz li żamm moħbi l-invit tal-Qorti Belġjana għax-xhieda fil-każ ta’ Dalli għal aktar minn xahrejn.

Il-Kelliem għal Schulz iddefenda d-deċiżjoni tal-President Soċjalista tal-Parlament Ewropew, li qal li ma kiser l-ebda prċcedura u li din kienet xi ħaġa li seta’ jagħmilha. Madankollu, hu ammetta li din kienet l-ewwel darba li saret u ġrat għax Schulz ma kienx jaqbel mal-kontenut tal-paragrafu. “EU Observer” żvelat ukoll li Schulz kien bagħat ittra liċ-Chairman tal-Kumitat tal-Baġit Michael Theurer, li fiha talab biex jitneħħa l-paragrafu.

Min-naħa tiegħu, Theurer rrifjuta li jneħħi l-paragrafu u dan wassal biex Schulz neħħa l-paragrafu minn jeddu hu stess. Dan ġie deskritt bħala skandlu mill-Membru Parlamentari Ewropew Ġermaniż Grassle, li kiteb il-kontenut tar-rapport. L-MEP Ġermaniż qal li Schulz għandu d-dritt biss jindaħal fl-emendi. Iżda dan il-paragrafu mhux emenda iżda huwa rapport li trid tittieħed votazzjoni dwaru mill-Kumitat Parlamentari dwar il-Baġit.

Dan l-iskandlu faqqa’ f’perjodu li fih Schulz jinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja u qed jiffaċċja akkużi ta’ kunflitt ta’ interess. Dan hekk kif qed jinsisti li ma jirriżenjax mill-kariga ta’ President tal-PE minkejja li għaddej bil-kampanja elettorali tiegħu biex isir President tal-Kummissjoni Ewropea. Aktar kmieni din is-sena, Schulz qaleb il-profil tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew fuq Twitter għal fuq ismu bħala parti mill-kampanja elettorali tiegħu. B’hekk, is-60,000 persuna li kienu qed isegwu l-profil tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew, issa spiċċaw isegwu l-kampanja elettorali ta’ Schulz.

Schulz qed jiġi akkużat ukoll li persuni Soċjalisti li qed jaħdmu fuq il-kampanja personali tiegħu, ġew impjegati mal-Parlament Ewropew u qed jitħallsu minn fondi pubbliċi.