Ekonomija Lokali

Statistika tal-Eurostat tgħid li Malta kellha l-akbar tnaqqis fil-bejgħ fi Frar 2014

Statistika oħra tal-Unjoni Ewropea tikkonferma tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet f’Malta kontra x-xejra tal-medja Ewropea li turi żieda. L-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-UE (Eurostat) għax-xahar ta’ Frar 2014 juru li meta mqabbel ma’ sena ilu, il-kummerċ fl-Istati Membri tal-UE żdied b’1.5%, filwaqt li fiż-Żona Ewro żdied bi kważi 1%.

Madankollu, f’Malta l-bejgħ mill-ħwienet naqas b’1.4% fuq Frar 2013, bl-istqarrija tal-Eurostat tinnota li hu l-akbar tnaqqis fuq perjodu ta’ sena minn fost il-pajjiżi Ewropej kollha. Kienu biss erbgħa l-Istati Membri li rreġistraw tnaqqis, b’Malta tkun segwita mis-Slovenja u l-Fillandja, imbagħad Spanja. Il-bqija tal-Istati tal-UE rreġistraw żieda fil-bejgħ, bl-akbar żieda tkun dik reġistrata fil-Lussemburgu bi kważi 13%.

L-istess statistika tqabbel il-bejgħ mill-ħwienet fi Frar 2014 ma’ Jannar 2014. F’dan il-każ, Malta kellha żieda fil-bejgħ ta’ kważi 2%. Anke l-medja tal-UE u taż-Żona Ewro żdiedu.