Lokali

Tiftaħ il-fiera AMITEX

Infetħet uffiċjalment il-fiera tal-ivvjaġġar AMITEX, appuntament annwali li jattira lejh dawk kollha li għandhom għal qalbhom is-safar barra minn xtutna.

Fid-diskors tiegħu mal-ftuħ tal-fiera, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Louis Giordimaina, qal li hu ta’ pjaċir għalih li qed jagħti bidu għal din l-okkażjoni tant mistennija. Dan jgħodd iktar u iktar għal din is-sena, meta l-kumpanija tal-ajru Air Malta qed tiċċelebra l-40 sena anniversarju mill-ewwel titjira tal-Air Malta u l-21 sena ta’ din il-fiera.

Hu fakkar kif matul dawn l-aħħar erbgħin sena pajjiżna żviluppa bħala destinazzjoni dinamika u attraenti, li jiġbed lejh numru dejjem ikbar ta’ turisti. Malta rat ukoll l-iżvilupp tagħha bħala destinazzjoni għan-negozju, tenna Giordimaina, li saħaq ukoll fuq l-opportunitajiet li din il-fiera annwali toffri lil viżitaturi li jżuruha. Hu qal li din l-okkażjoni toffri ċans lil Maltin biex jippjanaw il-btajjel tagħhom minn qabel u jingħataw prezzijiet vantaġġjużi għad-destinazzjonijiet li jixtiequ.

Għal dan is-sajf, il-linja Air Malta se tkun qed topera lejn 33 destinazzjoni differenti, b’165 titjira kull ġimgħa. Fost id-destinazzjonijiet ġodda għal dan l-istaġun hemm Venezja u Parma.

Il-fiera AMITEX se tibqa’ għaddejja sa nhar it-Tlieta 6 t’April, u qed issir fl-MFCC, f’Ta’ Qali.