IT-TURKIJA – Il-Prim Ministru Tork, Recep Tayyip Erdogan, ikkritika l-mandat tal-Qorti Kostituzzjonali li jneħħi l-projbizzjoni għal Twitter waqt li sostna li ‘hu ma jirrispettahx’. Dan meta l-istess Erdogan kien insista għall-projbizzjoni wara li recordings dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li ‘jorbtu lilu u lil qrabatu’ bdew jiċċirkolaw online.
Filwaqt li l-Qorti ħeġġet biex l-awtoritajiet tat-telekomunikazzjonijiet fit-Turkija jneħħu l-projbizzjoni ‘li tillimita l-espressjoni ħielsa’, Erdogan qal li ‘ma jaħsibx li din hi deċiżjoni xierqa’ u minkejja li l-Gvern tiegħu hu impenjat li jimxi skont id-direttiva.
Erdogan, li jiem ilu ddikjara ‘gwerra’ fuq il-media soċjali (Twitter), qal ukoll li ‘filwaqt li l-Qorti qed tipproteġi lil kumpannija Amerikana, l-valuri morali u nazzjonali (tat-Turkija) qegħdin ikunu injorati’.
L-istampa Torka, intant, irrappurtat li mandat tal-qorti qed jinsisti wkoll għat-tneħħija ta’ projbizzjoni simili għal YouTube, għalkemm mifhum li numru ta’ filmati għandhom jibqgħu ‘imblukkati’.
//= $special ?>

